Ħaddiem Instructor mal-MCAST u li xogħlu kien li jmexxi l-GYMs tal-MCAST f’Raħal Ġdid inqabad jagħmel użu ħażin mill-istess faċilitajiet meta nstab li kien qiegħed jiftaħ il-gym qabel u wara l-ħinijiet tal-MCAST, kif ukoll fi tmiem il-ġimgħa, u jintalab jitħallas minn min ikun qed jagħmel it-taħriġ taħt is-superviżjoni tiegħu.
It-tmexxija tal-MCAST inġibditilha l-attenzjoni dwar dan u minnufih bdiet tinvestiga tant li waqqfet ukoll Bord ta’ Inkjesta. Dan l-abbuż serju kien stabbilit fil-bidu ta’ din is-sena u jirriżulta li mill-istħarriġ li kien minnu li dan l-instructor kien qed jagħmel użu ħażin mill-faċilitajiet tal-gym fis-sens li kien qed jagħmilha ta’ personal trainer ta’ klijenti tiegħu li wara li jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-gym jintalbu jħallsu lilu.
Dan il-Bord ta’ Inkjesta kien magħmul minn tliet persuni; tnejn qrib ħafna taċ-Chairman Silvio Debono – Josephine Abdilla u Mario Pace. Josephine Abdilla hi responsabbli mid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani u hi eksħaddiema tad-Dragonara u AirMalta.
Minn investigazzjonijiet li għamlet il-gazzetta Il-Mument jirriżulta li x-xogħol ta’ dan il-Bord ta’ Inkjesta beda minnufih fil-bidu ta’ din is-sena u tkellem ma’ numru ta’ persuni, fosthom ukoll ma’ persuni li ammettew li kienu użaw il-faċilitajiet tal-gym u wara ntalbu jħallsu għas-servizzi li kienu ngħataw.
Waqt li dan il-Bord ta’ Inkjesta kien għaddej bix-xogħol tiegħu, l-Instructor involut informa lill-MCAST li hu kien se jirriżenja mix-xogħol tiegħu. Wara din ir-riżenja, b’sorpriża għal kulħadd hu kien impjegat f’xogħol simili fil-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS).
Darba l-Bord tal-Inkjesta ikkonkluda x-xogħol tiegħu u ppreżenta r-rapport lit-tmexxija tal-MCAST – fejn fost l-oħrajn l-Instructor instab ħati li abbuża a favur tiegħu mill-faċilitajiet tal-MCAST, dan ir-rapport intbagħat lill-Pulizija ta’ Kontra l-Frodi biex tiftaħ investigazzjoni kriminali. Mhux magħruf sa issa fejn waslu dawn l-investigazzjonijiet tal-Pulizija.
Sadattant iżda t-Tmexxija tal-MCAST ħasset li kellha tissospendi lill-Kap tad-Dipartiment tal-Istudents Support Services bl-iskuża li dan il-Kap tad-Dipartiment messu kien jaf b’dan l-abbuż. Dan il-Kap tad-Dipartiment ilu impjegat fl-MCAST għal aktar minn għaxar snin.
L-istess sorsi qalu lil Il-Mument li r-raġuni li probabbilment li nġiebet kienet li la hu l-Kap tad-Dipartiment allura kellu jinżamm kontabbli għal dak li kien qed jiġri. Sadattant dan il-Kap tad-Dipartiment fl-MCAST għadu sospiż mix-xogħol tiegħu, filwaqt li l-impjegat li kien jaqa’ taħtu u nstab li abbuża serjament ingħata impjieg simili fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi.
Is-sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument qalu li flok mal-MCAST għamlet ri-organizzazzjoni ta’ dan id-Dipartiment partikulari u tnaqqas il-volum tax-xogħol ta’ dan il-Kap partikulari fi ħdanha jew li tittrasferih għal xi dipartiment ieħor, għażlet li tissospendih.
//= $special ?>