Lokali

Joseph Muscat f’laqgħa importanti f’Dubaj waqt li suppost qiegħed btala

Tul il-btala tal-familja Muscat f’Dubaj fi żmien l-Għid li għadda, waqt li pajjiżna kien milqut mill-iskandlu tal-Panama, il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu laqgħa importanti barra mill-bini tal-lukanda Atlantis fejn kienet residenti l-familja Muscat.

Il-gazzetta Il-Mument żvelat kif f’jum minnhom il-Prim Ministru kien fil-foyer maestuż tal-lukanda Atlantis – li hi lukanda mill-aktar lussuża – liebes formali u minn hemmhekk ittieħed b’karozza għal laqgħa ma’ terzi ‘l barra mil-lukanda.

Sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument fissru li fattur ċert waqt din iż-żjara partikulari kien li l-Prim Ministru qajla sab ħin jieħu ftit kulur! Lura Malta, il-Prim Ministru Muscat deher li ma kellu l-ebda sinjali li f’xi ħin sab l-opportunità li jgawdi din il-btala.

Is-sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument komplew li kien interessanti ħafna li f’dik l-okkażjoni partikulari l-Prim Ministru deher fil-foyer liebes il-ġlekk u l-ingravata u dan kien ifisser li hu kellu jiltaqa’ ma’ terza persuna jew persuni għal xi laqgħa formali.

Mhux magħruf jekk din il-laqgħa partikulari kenitx ma’ xi bankiera li mar jiltaqa’ magħhom f’post lil hinn mill-binja tal-lukanda Atlantis.

Anqas hu magħruf jekk din il-laqgħa li għaliha ttieħed il-Prim Ministru kenitx ma’ xi avukati jew nies tekniċi oħrajn.

Anqas hu magħruf ukoll jekk din il-laqgħa kenitx xi żjara lil xi kumpanija partikulari.

Għal din il-laqgħa l-Prim Ministru Joseph Muscat, li suppost kien waqt btala, mar waħdu u anqas kien akkumpanjat mis-Sinjura Muscat.

Għall-Prim Ministru Joseph Muscat din ma kenitx l-ewwel żjara tiegħu f’Dubaj. Fi Frar li għadda, hu żar Dubaj u hu kien akkumpanjat, fost l-oħrajn, mill-Ministru Konrad Mizzi.

Il-btala tal-Prim Ministru u l-familja tiegħu f’Dubaj fl-eqqel tal-kriżi ta’ korruzzjoni li laqtet lil pajjiżna bl-iskandlu ‘Panama Papers’ qanqlet bosta mistoqsijiet. Dan anki fl-isfond li sar magħruf li bħala parti mill-istess struttura tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama mwaqqfa mill-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri, huma kienu ppruvaw jiftħu wkoll kont bankarju sigriet f’Dubaj. Dan ma kienx possibbli minħabba li kemm il-Ministru Konrad Mizzi kif ukoll iċ-Chief of Staff Keith Schembri sabu problemi peress li huma meqjusa bħala persuni esposti politikament.

Kien il-ġurnal Financial Review tal-Awstralja li żvela kif bħala parti mill-istess struttura tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama u fondi fi New Zealand, sew Konrad Mizzi kif ukoll Keith Schembri kienu ppruvaw jiftħu wkoll bankarju sigriet f’Dubaj.