Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti qed iħejji regoli ġodda biex jostakolaw l-użu ta’ shell companies intiżi għall-evażjoni tat-taxxa. Dan fost żieda fl-iskrutinju tal-entitajiet globali ta’ osservaturi wara li faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers, li żvela ammont kbir ta’ kontijiet u assi moħbija ta’ politiċi u negozjanti ewlenin madwar id-dinja.
Is-Segretarju tat-Teżor Amerikan, Jack Lew, ikkonferma l-aħħar miżuri tal-Istati Uniti biex jagħlqu dan l-aċċess għall-ħabi ta’ assi u ħasil ta’ flus potenzjali, waqt stqarrija lill-iSteering Committee tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF).
Dan meta t-Teżor tal-Istati Uniti jinsab qrib li jfassal regola li tirrikjedi biex il-banek jidentifikaw jekk xi ħadd mill-elementi jew entitajiet li jistgħu qed igawdu mill-pussess jew benefiċċji tas-sidien ta’ proprjetà ġodda humiex, fil-fatt, kumpanniji.
Minbarra dan, ir-regola tirrikjedi biex dawn l-hekk-imsejħa beneficial owners ta’ kumpanniji fuq bażi ta’ limited liability u li huma proprjetà ta’ sid uniku, jidentifikaw ruħhom lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni.
Skont l-istqarrija ta’ Lew, dan il-pass jagħlaq teknikalità (loophole) li, s’issa, kienet sfruttata biex jinħbew assi u attivitajiet finanzjarji illegali.
Dan meta l-akbar ekonomiji tad-dinja – membri tal-G20 – minn issa qegħdin jaqsmu l-informazzjoni dwar persuni u entitajiet li jevadu t-taxxa. L-istess pajjiżi qed iħejju biex jimponu l-pieni fuq Stati magħrufin bħala tax havens li ma jikkooperawx f’dan ir-rigward.
Il-Panama Papers, li fl-aħħar jiem kienu evalwati mill-International Consortium of Investigative Journalists u numru ta’ entitajiet tal-istampa, qed jiddokumentaw rekords tad-ditta legali, Mossack Fonseca, li hi bbażata l-Panama, u li jmorru lura għal 40 sena.
Il-leaks mid-dokumenti żvelaw l-użu wiesgħa ta’ tax havens u shell companies minn politiċi madwar id-dinja u entitajiet elitisti bl-iskop li huma jaħbu l-flus u assi taħt l-iskemi offshore.
Il-kontroversja globali li nqalgħet diġà wasslet għar-riżenji tal-Prim Ministru tal-Iżlanda, Sigmundur David Gunnlaugsson u l-Ministru tal-Industrija Spanjol, Jose Manuel Soria.
//= $special ?>