Internazzjonali

Lejn vot importanti fi Brasilia dwar il-futur tal-President Rousseff

Il-kamra t’isfel tal-Kungress tal-Brażil qed tħejji biex tivvota dwar jekk il-President tal-pajjiż, Dilma Rousseff, tgħaddix minn proċess ta’ impeachment fuq akkużi li hi mmanipulat il-kontijiet tal-Gvern għal gwadann politiku.

Id-deċiżjoni hi importanti għall-futur politiku ta’ Rousseff, membru tal-Partit tal-Ħaddiema, li, fil-preżent, hu anki implikat f’investigazzjoni konnessa ma’ xiri ta’ favuri minn kuntratturi involuti mal-kumpannija taż-żejt tal-Istat, Petrobras.

Sadanittant, l-awtoritajiet ħasbu biex iżidu s-sigurtà barra l-bini tal-Kungress kif ukoll f’diversi bnadi ta’ Brasilia. Dan bl-iskop li jevitaw il-konfronti vjolenti bejn id-dimostranti rivali, wara li ħarġu fit-toroq gruppi ta’ nies li jappoġġjaw u jopponu lil Rousseff.

Il-President Rousseff akkużat lill-avversarji politiċi li qed jorganizzaw ‘kolp ta’ stat’ biex iwarrbuha mill-poter. Hi, fi tmiem il-ġimgħa, ħadet ħsieb diversi eżerċizzji ta’ lobbying fi sforz biex tikseb appoġġ mingħand il-kapijiet politiċi u membri tal-Kungress.

Intant, l-indikazzjonijiet huma ċari li jista’ hemm biżżejjed appoġġ, fil-kamra t’isfel tal-Kungress, biex il-mozzjoni għall-impeachment tgħaddi.

Tinħtieġ maġġoranza ta’ żewġ-terzi ( 342 minn fost 513 il-vot) biex il-mozzjoni tgħaddi għal quddiem is-Senat, il-kamra ta’ fuq tal-Kungress, fejn, imbagħad, maġġoranza sempliċi tkun biżżejjed biex il-President Rousseff tkun sospiża mill-kariga għal massimu ta’ 180 jum, waqt li jkun għaddej il-proċess għall-impeachment.

Id-dibattitu dwar l-impeachment potenzjali ta’ Rousseff kien beda nhar il-Ġimgħa u l-President qed takkuża lill-avversarji politiċi dwar ‘qerq, frodi u gideb fl-attentat biex huma jneħħu Gvern li kien elett mill-poplu b’mod leġittimu’.

Numru ta’ partiti, fosthom il-PMDB ( l-akbar entità politika fil-Brażil) diġà abbandunaw lil Rousseff biex jappoġġjaw l-impeachment. Dan meta Rousseff, li għandha 68 sena, akkużat lill-Viċi-President tagħha, Michel Temer, bħala ‘wieħed mill-persuni strumentali fil-kolp ta’ stat kontra tagħha’.

Biex Dilma Rousseff titneħħa għal kollox minn President, żewġ-terzi tal-membri tas-Senat iridu, ‘il quddiem, jivvutaw ‘favur’ il-mozzjoni. F’każ li dan iseħħ, il-Viċi-President Temer jibqa’ President għal żmien proviżorju.