Lokali

AĠĠORNATA: Irridu ngħixu f’demokrazija normali – il-Kap tal-PN Simon Busuttil

Il-poplu jrid jgħix f’demokrazija normali, irid iħossu kburi li hu Malti u mhux nistħu u għalhekk qed issir il-mozzjoni ta’ sfiduċja. Simon Busuttil qal dan waqt li kien qed jindirizza attività taħt it-tinda f’Tas-Sliema.

Hu qal li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel dak li hu fl-interess nazzjonali. Għalhekk fil-Parlament il-Partit Nazzjonalista se jqum u jgħid ċar u tond li dak li qed jiġri mhux sewwa. Il-PN fil-Parlament se juri li hu kapaċi li jqum fuq saqajh u jesprimi r-rieda tal-poplu Malti u Għawdxi.

Simon Busuttil appella lid-deputati Laburisti. Hu appellalhom biex iħarsu l-interess nazjzonali. Simon Busuttil qal li hemm bżonn nibżgħu għar-reputazzjoni tal-pajjjiż, u għalhekk ma jridx jitħares l-interess personali għaliex hawn defiċit ta’ governanz tajba. Din hi opportunità tajba biex id-deputati jitkellmu fl-interess nazzjonali għaliex jekk mhu se jitkellmu xi ħadd se jitkellem. Se jkun qed jitkellem il-PN u l-poplu Malti Għawdxi u meta jitkellem il-poplu is-sewwa jirbaħ żgur.

Simon Busuttil wera x-xewqa li għada fil-parlament id-dibattitu jkun wieħed ċivili, li filwaqt li jkun jattakka l-argumenti politiċi, l-oppożizzjoni mhux se toħroġ sejf.

Il-Kap tal-PN qal li jaf x’inhuma n-numri fil-mozzjoni ta’ sfiduċja. Simon Busuttil qal li jekk fil-Parlament jirbaħ fin-numri, il-Partit Laburista se jkun tilef mal-poplu. Hu qal li din se tkun rebħa morali għall-poplu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li meta saqsewh nies għaliex saret mozzjoni kontra Joseph Muscat u mhux Konrad Mizzi, hu wieġeb li d-deċiżjoni li kienet waħda ċara. Hu qal li kieku aħna ngħixu f’pajjiż normali, u mhux li l-aktar tnejn viċin il-Prim Ministru, li jafu kollox fuq il-Prim Ministru u hu jaf kollox fuqhom, il-mozzjoni f’ċirkostanzi bħal dawn kienet issir kontra l-Prim Ministru. Hu semma kif il-Ministru ta’ Konrad Mizzi jinsab f’Kastilja.

Il-Kap tal-PN qal li l-problema jisimha Joseph Muscat. Issa ilna tmien ġimgħat f’din il-problema, tmien ġimgħat li wasslu biex il-poplu jitkellem u hu għalhekk li l-poplu qed iwieġeb għas-sejħa tal-PN.

Hu semma kif il-problema tal-Gvern qiegħda fl-ogħla livelli tal-politika f’pajjiżna, f’Kastilja. Simon Busuttil qal li qatt mill-indipendenza l’hawn kien hemm kriżi daqshekk kbira ta’ korruzzjoni. Hu tenna li l-poplu jrid jgħix f’pajjiż normali.

Li Konrad Mizzi u Keith Schembri kellhom jirriżenjaw, kienet storja ta’ tmien ġimgħat ilu, imma din ma saritx. Issa għalhekk saret kwistjoni ta’ fiduċja fil-Prim Ministru. Simon Busuttil qal li l-problema issa li anke jekk jirriżenja Keith Schembri u Konrad Mizzi, il-fiduċja fil-Prim Ministru intilfet.

Simon Busuttil qal li issa hu ċar li l-Prim Ministru mhux kapaċi jiġġudika, problema li ilha tkarkar saħansitra minn żmien il-kampanja għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Il-fatti dejjem ħerġin u dejjem qed naraw Prim Ministru li qed jispiċċa bejn il-basla u qoxritha. Il-Kap tal-PN elenka kif ġraw il-fatti. Semma kif f’pajjiżi oħra rajna riżenji ta’ ministri anke jekk il-kumpaniji fil-Panama infetħu qabel dawn saru ministri. F’Malta iċ-ċirkostanzi huma agħar għaliex il-kumpaniji infetħu wara li dawn saru Ministru. Il-Kap tal-PN qal li s-suspetti iqumu mill-ewwel. Saħaq li ma kienx hemm korrettezza politika u għalhekk kellhom jitilqu imma bil-kontra, dawn baqgħu hemm.

Simon Busuttil qal li Konrad Mizzi u Keith Schembri ħbew il-fatti. Huma qalu li ma kellhomx kont il-bank, imma imbagħad sirna nafu li provaw minn tal-inqas żewġ pajjiżi biex jiftħu l-kont. Sirna nafu wkoll li l-banek ma aċċettawx li jiftħu l-kont għax ma ssodisfawx lill-banek bl-informazzjoni provduta. Ma riedux jgħidu minn fejn se jġibu l-flus.

Keith Schembri u Konrad Mizzi qalu li l-flus kienu ġejjin minn senserija. Simon Busuttil fisser li s-senserija meta tkun Ministru tfisser li l-flus ġejjin mill-korruzzjoni.

Simon Busuttil fisser kif biex tiftaħ kumpanija fil-Panama trid eluf kbar ta’ flus. Simon Busuttil qal li bank fil-Panama u f’Dubai huma aktar serji minn Konrad Mizzi, għaliex waqqfu milli jiftħu kont bankarju meta ma kienux sodisfatti bir-risposti li ngħataw.

Simon Busuttil fisser kif wara sirna nafu kif komplew ifittxu biex jiftħu l-kont. Huma issa qalu li l-kontijiet rieduhom għall-gaming u għar-riċiklaġġ tal-iskart. Fisser kif l-unika skart li għandu jkun riċiklat huwa l-iskart politiku tal-Gvern.

Hu fisser kif Konrad Miżżi u Keith Sschembri gidbu imma l-Prim Ministru xorta waħda baqa’ jiddefendihom. Matul il-ġimgħa rajna wkoll numru ta’ spekulazzjonijiet li żgur Muscat kien se jneħħi lil Mizzi u Schembri imma baqa’ ma sar xejn. U għalhekk huwa l-prim ministru li għandu bżonn jitneħħa tenna Simon Busuttil.

Simon Busuttil saqsa kif jista’ l-prim ministru jibqa’ jinsulta l-intelliġenza tal-poplu Malti u dawk kollha li jgħixu f’pajjiżna. U għalhekk l-ebda għarbiel mhu se jgħatti l-verita.
Semma wkoll kif rajna riżenji minn madwar l-ewropa. Hu għalhekk jekk aħna l-aqwa fl-ewropa għaliex ma saritx riżenja waħda.

Dil-ġimgħa l-oppożizzjoni rajna wkoll il-każ ta’ Jason Azzopardi u semma kif kif il-Partit Nazzjonalista qiegħed hemm biex jiddefendi lil kulħadd. Semma wkoll il-mod kif il-Gvern f’mod iddisprat biddel il-liġi tal-billboards, biex irażżan lill-Partit Nazzjonalista. Dan wassal ukoll għal kundanna mill-GRTU, iċ-Chamber of Commerce.

Simon Busuttil fil-bidu tad-diskors tiegħu rrigrazzja lill-folla sabiħa li attendiet għal din l-atttività poltika f’Tas-Sliema li saret fi żmien importanti għall-pajjiżna.

Aktar qabel…

Meta indirizza l-attivita’ tal-Partit Nazzjonalista dalgħodu f’Tas-Sliema l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco sellem lil Tas-Sliema, sellem ukoll il-memorja ta’ deputati u esponenti tal-Partit Nazzjonalista li ħadmu qatiegħ b’risq il-Partit Nazzjonalista.

Mario de Marco qal li qed ngħixu fi żminijiet surreali. Tkellem dwar l-istorja tal-Panama Papers u kif minn storja lokali issa qiegħda storja internazzjonali. Mario de Marco spjega kif rajna stejjer li esponew taħwid u kull ma għadda iż-żmien l-istorja dejjem saret aktar perikoluża għall-pajjiżna.

Il-Viċi Kap għall-affarijiet tal-Parlament qal li l-pajjiż dejjem stenna azzjoni mill-Prim Ministru, imma ma ġara xejn minn dan kollu. Mario de Marco qal li minflok azzjoni Joseph Muscat biddel għażla sempliċi għal ġlieda b’attakki fuq dawk li ma qablux ma’ dak li għaddej fil-pajjiż. Mario de Marco sellem lill-UĦM u lil Giovanni Bonello għax huma wkoll spiċċaw vittmi ta’ attakki għax esprimew ruħhom kontra l-korruzzjoni.

Mario de Marco qal li dak li għamel il-Partit Nazzjonalista għamlu għal ġid tal-pajjiż. Hu rrefera għal dak li qal il-Ministru Edward Scicluna meta appella lill-Prim Ministru biex jieħu l-azzjonijiet meġtieġa. Minflok imma Muscat poġġa l-interessi ta’ sħabu u l-magħżulin qabel kull interess ieħor.

Semma kif it-Tnejn se jkun hemm dibattitu dwar mozzjoni ta’ sfiduċja fil-konfront tal-Gvern. Mario de Marco qal li mhemmx dubju kif se jivvotaw il-membri Parlamentari Laburisti. Hu tenna li ladarba għandna Prim Ministru li ma jridx jassumi r-responsabiltà, il-PN kellu jaġixxi f’isem il-poplu Malti. Din hi mozzjoni ta’ diżaprovazzjoni għal mod kif qed jimxi il-gvern, għal mod kif il-gvern ħammeġ isem pajjiżna. Qed issir f’isem il-ħaddiema tas-settur tas-servizzi finanzjarji pajjiżna. Dan hu suġġett li jeħtieġ reputazzjoni ta’ serjetà imma Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri ħamġu isem pajjiżna.

Mario de Marco qal li l-PN mhux l-intenzjoni tiegħu li jwaqqa’ l-Gvern. Hu qal li l-gvern kull ma jmur qed jitlef l-appoġġ. Il-PN qatt ma’ emmen fil-politika partiġġjana u għalhekk Nazzjonalisti għax dejjem żamm l-interessi ta’ pajjiżna l-ewwel.

Mario de Marco temm l-intervent tiegħu fejn qal li l-PN jixtieq li s-sitwazzjoni tirritorna għan-normalità. Ma rridux noqogħdu nistennew dettalji ġodda dwar Panama Papers, imma rridu Prim Ministru li jaġixxi. Hu qal li l-PN qiegħed biex jiddefendi r-reputazzjoni ta’ pajjiżna, u għalhekk il-PN se jkompli jaħdem biex il-poplu kollu jgawdi mir-rebħa tas-sewwa, għaliex is-sewwa jirbaħ żgur.

Aktar qabel…

Waqt li ndirizza għall-ewwel darba attività tal-Partit Nazzjonalista bħala deputat f’din il-leġiżlatura, Karl Gouder qal li meta kien hemm ċans li jkun hemm co-option fil-Parlament għall-ewwel ħasibha anke minħabba x-xogħol li kien qed iwettaq bħala sindku, imma meta ra minn xhiex kien għaddej il-pajjiż ħass li kien ikun għaqli jagħmel il-pass li jmiss.

Karl Gouder qal li qegħdin fi żmien importanti. Fejn mhux biss hemm kriżi politika imma wkoll resqin lejn kriżi ekonomika. Semma kif minħabba l-ebusija tar-ras ta’ Joseph Muscat setturi sħaħ qegħdin f’riskju.

Gouder semma kif għall-ewwel kien hemm min kien xettiku dwar id-dokument ta’ governanza tajba. Imma llum qed nindunaw kemm dan id-dokument hu importanti u għalhekk importanti governanza tajba kif qed joffri l-kap tal-Partit Nazzjonalista.

Karl Gouder semma kif qed jaħdem ma’ nies involuti fis-settur tal-Kultura, biex il-PN ikompli jibni politika tajba anke f’dan is-settur.

Ritratt: Roberta Runza