Il-Prim Ministru Muscat issa tilef kull awtorità morali li jibqa’ jmexxi lil dan il-Gvern wara tmien ġimgħat ta’ Prim Ministru li jibqa’ jirrifjuta jieħu d-deċiżjonijiet bżonjużi u jpoġġi f’riskju r-reputazzjoni ta’ pajjiżna meta jibqa’ ma jkeċċix lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff f’Kastilja, it-tnejn maqbudin b’kumpaniji u kontijiet sigrieti.
Dan iddikjarah f’intervista ppubblikata llum f’il-mument, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco.
Lejlet il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern ta’ Muscat, Mario de Marco saħaq li f’ċirkustanzi normali, l-Oppożizzjoni setgħet ippreżentat mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi.
L-Oppożizzjoni temmen iżda, li f’sitwazzjoni fejn Ministru qed jirrifjuta li jirriżenja u qed jitfa’ r-responsabbiltà f’ħoġor il-Prim Ministru, u meta hemm Ministri stess fl-istess Kabinett ta’ Muscat jappellaw lill-Prim Ministru biex jieħu d-deċiżjoni biex iwarrab lil Konrad Mizzi llum qabel għada u l-istess Prim Ministru jiddefendi lil Konrad Mizzi kull ħin u kull waqt minkejja li l-iskandlu qiegħed jikber mhux jiċkien, allura Muscat tilef kull awtorità morali li jibqa’ jmexxi lil dan il-Gvern. Hu għalhekk il-mozzjoni ta’ sfiduċja kontra l-Gvern.
Il-poplu li josserva l-liġi jrid lill-politiċi josservaw ukoll il-liġi u jkunu ta’ eżempju
F’dan ix-xenarju kollu, saħaq Mario de Marco, il-Prim Ministru qiegħed ikompli jwebbes rasu quddiem poplu li jrid li josserva l-liġi u jrid ukoll li l-politiċi josservaw il-liġi u li jkunu l-ewwel nies li jagħtu l-eżempju.
Fisser ukoll li f’dan l-istadju, l-Oppożizzjoni u l-poplu qed jitkellmu fuq ir-responsabbiltà politika li l-Ministru Konrad Mizzi għandu jġorr. Konrad Mizzi ma kellu ebda raġuni valida għaliex jiftaħ kumpanija fil-Panama wara li nħatar Ministru. Konrad Mizzi għandu jsegwi l-eżempju ta’ Ministri oħrajn barranin li malli ħarġet xniegħa dwarhom, irriżenjaw kif għamel il-Ministru tal-Gvern fi Spanja din il-ġimgħa.
Hu għalhekk li r-responsabbiltà tal-Prim Ministru hi ikbar. Ladarba Konrad Mizzi ma jridx jirriżenja, ir-responsabbiltà għandu jerfagħha l-Prim Ministru u li sal-lum ma jridx iġorr. Quddiem dawn il-fatti u d-dikjarazzjonijiet, l-Oppożizzjoni se tkun qed twassal din ir-responsabbiltà politika lill-Gvern b’mozzjoni ta’ sfiduċja li se tiġi diskussa għada t-Tnejn fil-Parlament.
L-Oppożizzjoni trid Gvern li jirrispetta r-regoli normali u demokratiċi
L-Oppożizzjoni mhix wara elezzjoni bikrija iżda wara Gvern li jirrispetta r-regoli normali u demokratiċi bħal kull pajjiż normali Ewropew. Kieku l-iskandlu li qed insegwu llum f’pajjiżna seħħ f’xi pajjiż ieħor fl-Ewropa, kieku Konrad Mizzi ilu li telaq u warrab, u kieku m’aħniex sal-lum nitkellmu fuq dan l-iskandlu li ħakem lil pajjiżna.
Fid-dibattitu ta’ għada fil-Parlament, spjega l-Viċi Kap tal-PN, l-Oppożizzjoni se tkun qed tesprimi dak li qed iħoss il-poplu Malti. Mhix mozzjoni ta’ sfiduċja normali iżda tressqet għaliex għandna Prim Ministru li qed jirrifjuta jieħu d-deċiżjonijiet bżonjużi għall-ġid ta’ pajjiżna llum qabel għada.
Intervista sħiħa f’il-mument tal-lum.
//= $special ?>