Lokali

Simon Busuttil iżid fil-fiduċja b’mod qawwi – Stħarriġ minn The Malta Independent

Stħarriġ minn The Malta Independent jikkonkludi li l-Kap tal-PN Simon Busuttil żied 8.8% fil-fiduċja fuq perjodu ta’ sena

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil irreġistra żieda qawwija fil-fiduċja, skont stħarriġ ġdid mill-ġurnal The Malta Independent on Sunday.

Mill-istħarriġ jirriżulta li fuq perjodu ta’ sena, minn April 2015 għal April ta’ din is-sena, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista simon Busuttil żied il-fiduċja bi 8.8%, biex illum għandu l-fiduċja ta’ 31.2% tal-pubbliku.

Għalkemm il-Prim Ministru Joseph Muscat irreġistra ċifra kemxejn aktar ogħla, l-istħarriġ ta’ The Malta Independent juri li Muscat għal darb’oħra naqqas fil-fiduċja. Filfatt, fuq perjodu ta’ sena, filwaqt li Simon Busuttil żied 8.8% fil-fiduċja, Muscat naqqas il-fiduċja b’5.6%.

L-istħarriġ juri wkoll li kull ma jmur, sena wara oħra, qed jonqsu l-ammont ta’ persuni li jwieġbu li m’għandhomx fiduċja fl-ebda mexxej politiku. Filfatt, filwaqt li fl-2015 kien hemm 31.3% ta’ dawk li wieġbu li qalu li m’għandhomx fiduċja fl-ebda mexxej politiku, din is-sena, dan l-ammont naqas għal 24.1%, dovut għal żieda qawwija fil-fiduċja li rebaħ il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

L-istħarriġ jistaqsi wkoll kemm in-nies għandhom fiduċja f’mexxej jew ieħor fuq skala minn 1 sa’ 10. Anke għal din il-mistoqsija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jirreġistra riżultati li juru titjib.

Filfatt, mill-istħarriġ joħroġ kif mill-1 sal-10, il-Prim Ministru Joseph Muscat naqqas 0.51 punti, filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista żied 0.33 punti, biex issa għandu rata ta’ 4.9 punti minn 10 f’dak li għandu x’jaqsam fiduċja. Muscat min-naħa l-oħra rreġistra 5.7 punti, li skont The Malta Independent ifisser l-anqas distakk bejn Simon Busuttil u Joseph Muscat minn meta sar l-ewwel stħarriġ mill-istess gazzetta.

Il-fiduċja ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali

L-istħarriġ juri wkoll li fuq skala minn 1 sal-10, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil żied fil-fiduċja ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali.

Filfatt, f’April 2015, Simon Busuttil irreġistra 2.77 punti f’fiduċja minn dawk li vvutaw lill-Partit Laburista. Din iċ-ċifra, wara sena, issa telgħet għal 3 punti.

Dan filwaqt li Joseph Muscat irreġistra tnaqqis qawwi fil-fiduċja minn dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Filfatt, fuq skala minn 1 sal-10, Joseph Muscat f’dan l-istħarriġ irreġistra 8 punti, tnaqqis ta’ 0.71 punti meta mqabbel ma’ April 2015 meta kien irreġistra 8.71 punti f’fiduċja. Konferma li Muscat qed jitlef ukoll il-fiduċja ta’ dawk li tlett snin ilu vvutaw lill-Partit Laburista.