Internazzjonali

Terremot fl-Ekwador jwassal għal bosta mwiet u nies midruba

L-Ekwador iddikjara Stat ta’ Emerġenza f’sitt provinċji minħabba l-ħsarat kbar u l-periklu li ġab miegħu t-terremot qawwi li mmarka 7.8 fuq l-Iskala Richter u li ħalla minn tal-inqas 233 persuna mejta u iktar minn 500 persuna mweġġa’.

It-terremot, li l-epiċentru tiegħu kien viċin il-kosta ta’ Muisne, ġarraf pont kbir fl-akbar belt tal-Ekwador, Guayaquil, li tinsab 300 kilometru ‘l bogħod.

Dan heżżeż ukoll il-bini tal-kapitali Quito, b’mijiet ta’ residenti jkollhom joħorġu ‘l barra minn djarhom fil-paniku. It-terremot ġarraf ukoll it-torri tal-kontroll tal-ajruport fil-belt ta’ Manta. Partijiet mill-Ekwador spiċċaw mingħajr provvista tal-elettriku.

Dan filwaqt li l-Pacific Tsunami Warning Centre, wissa li mewġ għoli jistgħu jaslu f’partijiet mill-kosta tal-Ekwador. Il-Peru, pajjiż ġar, ukoll ħareġ twissija ta’ tsunami fil-kosta tat-tramuntana filwaqt fil-Kolombja it-theżżiża nħasset ukoll.