L-awtoritajiet għall-emerġenzi fil-Ġappun intensifikaw it-tfittxija għall-persuni rrappurtati nieqsa wara li żewġ terremoti kbar, jiem ilu, laqtu l-gżira ta’ Kyushu, lejn il-Punent tal-pajjiż.
L-iskwadri qegħdin jibgħatu l-ħelikopters lejn l-agħar zoni milquta, meta, fl-aħħar sigħat, kompla t-tregħid tal-art fl-inħawi partikolari. Dan ukoll waqt li żdied it-tħassib dwar il-250,000 persuni li tilfu djarhom b’kaġun tat-theżżiżiet il-kbar.
Mietu ‘il fuq minn 40 fit-terremoti tal-Ħamis u tas-Sibt, fi Kyushu, u l-awtoritajiet jibżgħu li għad fadal numru kbir ta’ nies taħt it-terrapien tal-bini mwaqqa. Fl-istess ħin, hemm l-inkwiet li z-zona tintlaqat minn xi terremot ieħor, fejn kapaċi jikkrollaw numru ta’ bini li spiċċaw fi stat dgħajjef.
Il-Prim Ministru tal-Ġappun, Shinzo Abe, ħabbar li se jżid in-numru ta’ militar li qed jieħdu sehem fl-impenn tas-salvataġġ għal 25,000. Abe, fl-istess ħin, aċċetta l-offerta tal-Istati Uniti biex tibgħat mezzi għal trasport tal-ajru, b’sostenn għall-kampanja ta’ fejda.
//= $special ?>