Il-Pulizija Ingliża fetħet investigazzjoni wara li bdot tal-British Airways irrapporta li l-ajruplan tiegħu kien intlaqat minn drone hekk kif kien qed ilesti għall-inżul fl-ajruport ta’ Heathrow.
Il-Pulizija qalet li r-rapport daħal il-Ħadd filgħaxija u l-ajruplan, Airbus A320, niżel mingħajr problemi f’Terminal 5.
It-Titjira BA727 kien fuq vjaġġ li beda f’Ġinevra fl-Iżvizzera b’132 passiġġier u ħames membri tal-ekwipaġġ abbord. Wara saret spezzjoni fuq l-ajruplan u instab li dan seta’ jkompli bit-titjiriet skedati li kellu.
Iżda esperti qed iwissu li hi biss kwistjonit ta’ żmien qabel ma jkun hemm inċident serju peress li hemm ħafna drones li qed jittajru min-nies li ma jifhmux ir-riskji u r-regoli għall-użu tagħhom.
Aktar kmieni dan ix-xahar, l-union tal-bdoti sejħet għal investigazzjoni fl-effetti li jkun hemm jekk drone jolqot ajruplan wara rapport mill- UK Airprox Board li sab li bejn April u Ottubru tas-sena li għaddiet kien hemm 23 każ fejn ajruplani kważi ntlaqtu minn drone.
Ajruplan jintlaqat minn ‘drone’ fuq Heathrow
