Kien hemm roħs kbir fil-prezz internazzjonali taż-żejt wara laqgħa fi tmiem il-ġimgħa tal-pajjiżi prodotturi taż-żejt li fiha naqsu li jaqblu li jkun hemm qtugħ fil-produzzjoni.
Għal-laqgħa fil-Qatar attendew il-maġġoranza tal-membri tal-OPEC fosthom l-Arabja Sawdija imma mhux l-Iran. L-Arabja Sawdija, l-ikbar esportatur taż-żejt kien lest jiffriża l-produzzjoni jekk il-bqija tal-membri tal-OPEC jaqblu. Imma l-Iran qed ikompli jipproduċi kemm jiflaħ żejt wara t-tneħħija tas-sanzjonijiet kontrih.
Wara sigħat ta’ taħditiet Mohammed bin Saleh al-Sada, il-Ministru taż-Żejt tal-Qatar, qal li kien hemm bżonn aktar żmien.
Ilbieraħ, il-prezz taż-żejt Amerikan mhux raffinat niżel għal $38.48 kull barmil filwaqt li dak magħruf bħala Brent Crude, wara li tilef ħafna fil-valur stabbilixxa ruħu għall-prezz ta’ $41.23 kull barmil.
Aktar roħs fil-prezz internazzjonali taż-żejt
