Lokali

Avviċinati żewġ banek oħra biex jinfetħu kontijiet għal Mizzi u Schembri

Aktar dettalji fil-każ tal-Kumpaniji sigrieti fil-Panama ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. L-Australian Financial Review żvelat li Mossack Fonseca avviċinat żewġ banek oħra biex f’isem Keith Schembri u Konrad Mizzi tipprova tiftaħ kont bankarju.

Dawn il-banek kienu avviċinati f’Diċembru wara li fallew attentati biex kemm Mizzi u Schembri jipprovaw jiftħu kontijiet f’sitt banek differenti, fil-Karibew, Dubai u anke Miami.

Fl-istorja żvelata illum mill-AFR jingħad li Mossack Fonseca kiteb lill-persuna li kienu qabdu Konrad Mizzi u Keith Schembri u saħaq magħhom li biex jaċċettaw it-talba tagħhom fil-Panama riedu japplikaw għall-visa.

B’kollox l-ammont ta’ banek għalhekk issa tela’ għal disgħa.

L-Australian Finanacial Review rrappurtat ukoll lli b’rabta mal-informazzjoni li qed toħroġ b’rabta mal-Panama Papers u Malta fil-Parlament kienet qed tkun diskussa mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern.

Fl-artiklu tal-AFR intqal ukoll li Karl Cini fl-email li bagħat lil Mossack Fonseca kien qalilhom li d-dettalji min hu l-klijent partikolari ma kienux se jgħaddu f’e-mail imma kienu se jingħaddew permezz ta’ konservazzjoni fuq Skype.

L-artiklu reġa fakkar li l-ewwel kuntatti ma’ Mossack Fonseca dwar il-ftuħ tal-kumpaniji sigrieti sar fl-14 ta’ Marzu fl-2013, 5 t’ijiem wara l-elezzjoni Ġenerali. Karl Cini f’isem Nexia BT u għalhekk f’isem il-klijenti tagħhom Konrad Mizzi u Keith Schembri, reġa bagħat email oħra ifakkar lil Mossack Fonseca saħansitra fil-21 ta’ Marzu tal-2013.

Fl-istess ġurnata Nexia BT qalet lil Mossack Fonseca li wkoll kienet se tieħu f’idejha it-tmexxija ta’ tliet kumpaniji li kienu jinsabu fil-British Virgin Islands fost oħrajn Colson Ltd. li kienet ta’ Keith Schembri.

Kien żvelat ukoll li fit-8 t’Awwissu Mossak Fonseca xtrat tliet kumpaniji, Tillgate, Hearnville u Egrant. Bit-tielet kumpanija għadha misteru sal-lum ta’ min hi.

F’din l-istorja rajna tibdil fil-verżjoni tad-dikjarazzjoni dwar il-mod ta’ kif kienu intenzjonati li jaħdmu l-kumpaniji. L-ewwel kien intqal li dawn il-kumpaniji kienu se jkunu qed jaħdmu f’konsulenza u senserija u eventwalment rajna tibdil u ntqal li kienu se jkunu involuti fis-settur tal-igmaing u wkoll riċiklaġġ ta’ skart.

Fi stqarrija b’reazzjoni Konrad Mizzi, saħaq li l-istorja li ħarġet fuq l-AFR ħarġet f’ħin li mhux prime-time fl-Awstralja.