Kummerċ Lokali

“Dak li qed jiġri jista’ jimmina l-pożizzjoni ta’ Malta” – L-Istitut tal-Professjonisti Finanzjarji

“L-iżviluppi lokali mhumiex qed jikkontribwixxu tajjeb għas-settur finanzjarju, anzi jistgħu jimminaw il-pożizzjoni ta’ Malta”.

Kienet din id-dikjarazzjoni mill-istitut li jiġbor fih il-professjonisti li jaħdmu fis-servizzi finanzjarji, l-IFSP, li fi stqarrija appella għall-kunsens f’dan is-settur tant sensittiv.

Mingħajr ma rrefera direttament għall-iskandlu tal-Panama, l-istitut qal li l-iżviluppi lokali mhumiex qed jikkontribwixxu tajjeb għal dan is-settur u appella biex f’dan is-settur jibqa’ jkun hawn il-kunsens.

L-IFSP fakkar l-industijra tas-servizzi finanzjarji kibret matul l-aħħar 25 sena grazzi għall-kunsens fis-settur biex is-servizzi finanzjarji kisbu reputazzjoni tajba ħafna. L-istitut appella biex il-kunsens li dejjem kien hemm fis-settur matul l-aħħar 25 sena jibqa’ fis-seħħ illum ukoll jekk is-servizzi finanzjarji f’pajjiżna jridu jilqgħu l-isfidi li qed jinqalgħu.

L-IFSP żied li s-settur finanzjarju m’għandux ikun politiċizzat. Kien hawnekk fejn l-istitut irrefera għall-attakk li riċentament sar fil-Parlament mill-Ministru Evarist Bartolo fuq iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji Joe Bannister , bl-IFSP tgħid li dawn it-tip ta’ kummenti jikkonfermaw il-mod kif is-settur finanzjarju ġie ppolitiċizzat.

Il-Professur Bannister ta kontribut li ma jistax ikun ikkalkulat, kemm lis-settur finanzjarju u sussegwentament lill-ekonomija Maltija, temm jgħid l-Istitut tal-Professjonisti Finanzjarji.