Lokali

Fuq medda ta’ tmien snin il-pazjenti f’Mater Dei jiżdiedu b’terz

L-ammont ta’ pazjenti fl-Isptar Mater Dei, mill-2008 sas-sena l-oħra, żdied b’terz. Dan ħareġ minn raport, The Hospital Actvitay Report, li kien ippublikat dalgħodu. Dan ir-rapport janalizza dak kollu li jkun għaddej fi ħdan l-isptar Mater Dei, f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħidma ta’ kuljum fosthom kemm jiġu rikoverati pazjenti.

Ir-rapport juri kif is-sena l-oħra kien hemm 90,000 persuna li daħlu l-isptar. Dan ifisser żieda ta’ 24,000 pazjent meta mqabbel mal-2008, sena li fiha daħlu l-isptar 66,000 pazjent.

Skont il-Kap Eżekuttiv ta’ Mater Dei, Ivan Falzon, iż-żieda matul dawn it-8 snin kienet waħda gradwali u r-raġuni primarja għaż-żieda hi li anke l-flus allokati għall-isptar żdiedu fuq dawn l-aħħar 8 snin.

Ir-rapport jgħid wkoll li anke f’dawk li huma riżorsi tal-isptar żdiedu fosthom l-ammont ta’ sodod u anke fl-ammont ta’ ħaddiema, għalkemm skont il-Kap Eżekuttiv tal-Ispar dawn iż-żidiet ma kinux biżejjed.

Qal wkoll li mingħajr dubju ż-żieda li kien hemm fl-ammont tal-ħaddiema tul dawn l-aħħar 8 snin għen sabiex minkejja li l-ammontta’ pazjenti żdied, xorta l-pazjenti waħda kienu moqdija sew.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-Out Patients, kien hemm żieda ta’ 10% fuq is-sena l-oħra, bl-ammont tal-pazjenti jkun ta’ 480,000.

Minn naħa tiegħu d-direttur kliniku Joseph Zarb Adami qal li qed jagħmlu minn kollox sabiex ir-riżorsi tal-isptar Mater Dei dejjem ikunu utilizzati aħjar, anke fejn għandhom x’jaqsmu s-swali tal-operazzjonijiet, li llum il-ġurnata saru jintużaw madwar, 20 kuljum.