Lokali

Il-miżata ta’ €1,500 għall-billboards biss u mhux għall-ħwienet wkoll

L-€1,500 ta’ ħlas f’se jkunu marbuta biss f’reklamar fuq billboards. Dan qalitu l-Kamra Maltija tal-Kummerċ fi stqarrija, li fiha spjegat li din id-deċiżjoni kkonfermaha l-Gvern wara li Avviż Legali li daħħal fis-seħħ il-Gvern dwar il-billboards, qajjem kontroversja fl-aħħar jiem.

Hekk kif bl-Avviz Legali se jintlaqtu mhux biss billboards fit-toroq, iżda saħansitra kull struttura simili li tinsab fi propjetà privata. Bir-regoli l-ġodda, jistgħu saħansitra jiġu interpretati anke għat-tabelli mal-faċċati tal-ħwienet.

Dwar id-deċiżjoni li l-€1,500 se tkun applikabbli biss għall-billboards, il-Kamra Maltija għall-Kummerċ fl-istqarrija qalet li dan hu pass ‘il quddiem, għalkemm hemm aktar xi jsir.

Dan għaliex il-miżata ta’ €1,500 għall-billboards se tkun qed iżżid l-ispejjeż għan-negozji mingħajr ma jkunu saru avvanzi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kunsiderazzjonijiet ambjentali u l-istandards ta’ kif u fejn jitpoġġew il-billboards.

Min-naħa tagħha, il-Kamra tal-Kummerċ kompliet li l-billboards li għandhom il-permessi kollha kif suppost għandhom jibqgħu f’posthom, filwaqt li l-Awtoritajiet għandhom ineħħu darba għal dejjem dawk li huma illegali.

Il-Kamra qalet ukoll li ltaqgħet ma’ dawk interessati fis-settur u li huma direttament affewati bl-Avviż Legali biex flimkien jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet finali dwar l-Avviż Legali.