Lokali

Jibda l-vjaġġ għal 81 rekluta ġdid fil-Forzi Armati ta’ Malta

81 rekluta ġdid illum ħadu l-ġurament ta’ lealtà lejn il-poplu Malti, ir-Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni tal-Gżejjer Maltin. Dan hekk kif illum beda t-taħriġ għal 81 rekluta ġdid fil-Forzi Armati ta’ Malta.

Il-bibien tal-Forzi Armati nfetħu kmieni fis-7 ta’ dalgħodu fil-kwartieri tal-Forzi Armati f’Ħal Luqa, wara li r-rekluti lestew proċess ta’ assessjar. L-eżamijiet inkludew test fiżiku, test mediku, test fil-kitba kif ukoll intervista.

Minn 81 rekluti, 11 minnhom ġejjin minn Għawdex u b’kollox, 10 huma nisa. Matul il-ġimgħat li ġejjin, ir-rekluti se jkunu qed jingħataw l-għodda kollha neċessarji biex ikunu jistgħu jagħmlu suċċess fil-ħajja militari. Matul dan iż-żmien, ir-rekluti se jkunu mistennija li jaqtgħu mill-ħajja ċivili u jistħarrġu minflok fil-ħajja militari.

Filfatt, matul dan il-perjodu ta’ taħriġ, ir-rekluti se jeżaminaw il-karattru morali tagħhom, il-motivazzjoni, id-determinazzjoni u l-elementi ta’ tmexxija li għandhom. Ma jonqsux ir-regoli stretti mistennija minn kull membru tal-Forzi Armati.

Il-pass li jmiss ikun dik li tissejjaħ il-‘passing out parade’, fejn ir-rekluti jiċċelebraw it-transizzjoni tagħhom għal suldati. Wara jkunu assenjati f’taqsimiet differenti fil-Forzi Armati ta’ Malta biex ikunu jistgħu jibdew jagħtu s-servizz tagħhom.

AFM forzi armati ta' malta reklutagg rekluti 1