Il-ħidma tas-salvataġġ fl-Ewkador bdiet tirranka wara t-terremot qawwi li kien hemm fil-pajjiż is-Sibt filgħaxija
It-terremot kellu qawwa ta’ 7.8 fuq l-Iskala Richter u hu l-aktar wieħed b’saħħtu li qatt heżżeż il-pajjiż mill-1979. Dan f’pajjiż fejn it-terremoti mhumiex xi ħaġa rari.
Wara l-ewwel theżżiża kien hemm aktar minn 130 theżżiża oħra bejn is-Sibt u t-Tnejn. L-epiċentru kien lokalizzat madwar 27 kilometru mill-belt ta’ Muisne.
Esperti internazzjonali qalu li t-terremot li laqat l-Ekwador kien madwar sitt darbiet aktar b’saħħtu mit-terremot li ħakem in-Nofsinhar tal-Ġappun sigħat qabel is-Sibt.
It-terremot s’issa kkawża kważi 300 vittma u l-awtoritajiet mhux qed jeskludu li dawn se jiżdiedu.
It-terremot inħass anki fil-Kolombja tant li wassal biex ikunu evakwati pażjenti fi sptar f’Cali.
Fil-ħidma ta’ salvataġġ u għajnuna qed jieħdu sehem mal-10,000 suldat akkumpanjati minn 3,500 Pulizija.
Il-President tal-Ekwador, Rafael Correa kellu jtemm ħesrem vjaġġ li kien beda fl-Italja hekk kif daħlet l-aħbar tat-terremot.
L-Ekwador jipprova jirkupra mill-qilla tat-terremot
