Lokali

L-Isqfijiet Maltin jappellaw lill-poplu Nisrani f’pajjiżna biex jgħin lill-poplu Ukren

Hija drawwa antika fil-Knisja li l-Insara jwieżnu Nsara oħra li jkunu għaddejjin minn mumenti iebsin. Dan qaluh l-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles J Scicluna u l-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech, permezz ta’ stqarrija bħala messaġġ għall-Insara f’pajjiżna b’rabta ma’ dak li qed jiġri fl-Ukrajna.

Fl-istqarrija għamlu referenza għal dak li qal waqt it-talba tal-Angelus, il-Papa Franġisku, li għamel sejħa lill-Knejjes Kattoliċi fl-Ewropa biex jagħmlu ġabra speċjali għall-Insara fl-Ukrajna, fejn hemm il-gwerra.

L-Isqfijiet Maltin semmew kif skont in-Nunzju Appostoliku fl-Ukrajna, bħalissa hemm tbatija kbira. L-anzjani huma l-aktar li qegħdin isofru. Ħafna tfal sabu ruħhom orfni għax tilfu l-ġenituri fil-gwerra. Ħafna sabu ruħhom mingħajr xogħol u ma għandhomx biex imantnu l-familja tagħhom u s-sitwazzjoni fl-isptarijiet hija ħażina ħafna.

Fl-istqarrija għamlu referenza wkoll għal dak li jgħid il-Papa Franġisku, li l-għotjiet ta’ karità li qed niġu mitluba nagħmlu mhux biss jipprovdu għall-ħtiġijiet materjali ta’ dawn ħutna, imma huma wkoll espressjoni ta’ solidarjetà ma’ din il-Knisja mġarrba minn tant tbatija.

L-Arċisqof Charles J Scicluna u l-Isqof Mario Grech qalu li l-poplu nisrani f’pajjiżna jista’ jqis l-istedina li qed jagħmel il-Papa Franġisku bħala mument ta’ grazzja f’dan il-Ġublew tal-Ħniena li matulu l-Knisja hi msejħa tfejjaq il-ġrieħi, iddewwihom biż-żejt tal-faraġ, tinfaxxahom bil-ħniena u tfejjaqhom bis-solidarjetà u l-attenzjoni li jeħtieġu.

Għalhekk, l-Isqfijiet Maltin qalu li l-ġbir li ser isir fil-knejjes is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd li ġej ser ikun għal dan l-għan.