L-Awstralja jidher li se jkollha elezzjoni ġenerali bikrija f’Lulju. Dan biss seba’ xhur wara li tela’ fil-poter Malcolm Turnbull.
Dan wara li t-Tnejn fis-Senat il-Gvern tilef għat-tieni darba vot importanti dwar kontrolli akbar fuq l-industrija tal-bini.
Fi tmiem il-ġimgħa, il-Prim Ministru Turnbull wissa lis-Senat li jekk il-liġi ma tgħaddix, hu kien se jxolji ż-żewġ kmamar tal-Parlament u jsejjaħ elezzjoni għat-2 ta’ Lulju.
Issa sorsi fl-Awstralja qalu li hu mistenni jieħu dan il-pass la darba jgħaddi l-Baġit federali kmieni x-xahar id-dieħel biex imbagħad ikun hemm kampanja elettorali bla preċedent li se ddum 11-il ġimgħa.
Il-Baġit mistenni jitressaq fit-3 ta’ Mejju.
Barra minn hekk, bil-pass li se jieħu Turnbull, ifisser li se ssir elezzjoni għas-siġġijiet kollha fis-Senat f’dik li hi magħrufa bħala double-dissolution election.
Meta ssir elezzjoni f’ċirkostanzi normali jkunu biss nofs is-siġġijiet li għalihom isir il-vot.