Segwi l-aġġornamenti mid-dibattitu fil-Parlament, fejn ġiet diskussa l-Mozzjoni ta’ Sfiduċja fil-Gvern ta’ Joseph Muscat.
10.05pm: Il-Mozzjoni kif emendata għaddiet bi 38 vot favur u 31 vot kontra wara li d-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia vvotat mal-Oppożizzjoni.
10.02pm: Approvata l-Emenda tal-Gvern biex il-Mozzjoni tkun waħda ta’ fiduċja fil-Gvern. Tittieħed votazzjoni (għal darb’oħra elettronika).
10.00pm: Fi tmiem l-intervent tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u wara li spjega s-sistema elettronika li biha kellu jittieħed il-vot, l-Ispeaker Anġlu Farrugia għalaq il-bibien biex id-Deputati jivvutaw dwar Emenda mressqa mill-Ministru Owen Bonnici.
9.16pm: Jitkellem il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
8.58pm: Jitkellem il-Ministru Edward Zammit Lewis.
8.49pm: Jitkellem il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Gvern Godfrey Farrugia.
8.20pm: Jitkellem il-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco.
8.07pm: Jitkellem id-Deputat Prim Ministru Louis Grech.
7.56pm: Jitkellem il-Ministru Anton Refalo.
7.44pm: Jitkellem id-Deputat Laburista Manwel Mallia.
7.29pm: Jitkellem il-Ministru Edward Scicluna.
7.07pm: Jitkellem il-Prim Ministru Joseph Muscat.
6.56pm: Jitkellem il-Ministru Chris Cardona.
6.06pm: Titkellem id-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia.
5.54pm: Jitkellem il-Ministru Leo Brincat.
5.42pm: Jitkellem il-Ministru Michael Farrugia.
5.28pm: Titkellem il-Ministru Helena Dalli.
5.22pm: Jitkellem id-Deputat Laburista Franco Mercieca.
5.08pm: Titkellem ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg . Sadanittant, hekk kif temm l-intervent tiegħu, il-Ministru Konrad Mizzi qabad u telaq ‘il barra.
4.44pm: Jitkellem il-Ministru Konrad Mizzi.
4.29pm: Jitkellem ix-Shadow Minister Chris Said .
4.21pm: Jitkellem id-Deputat Laburista Michael Falzon.
4.13pm: Jitkellem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Clyde Puli .
4.06pm: Jitkellem id-Deputat Laburista Joe Farrugia.
3.53pm: Jitkellem il-Ministru Evarist Bartolo.
3.44pm: Jitkellem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Robert Arrigo .
3.37pm: Jitkellem id-Deputat Laburista Joe Debono Grech.
3.24pm: Titkellem ix-Shadow Minister Paula Mifsud Bonnici .
3.15pm: Jitkellem id-Deputat Laburista Charles Mangion.
3.07pm: Titkellem is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri.
2.54pm: Titkellem ix-Shadow Minister Kristy Debono .
2.46pm: Titkellem is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana.
2.34pm: Jitkellem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Toni Bezzina .
2.29pm: Jitkellem id-Deputat Laburista Deo Debattista.
2.17pm: Jitkellem ix-Shadow Minister Claudio Grech .
2.09pm: Jitkellem id-Deputat Laburista Joe Sammut.
1.56pm: Jitkellem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar .
1.49pm: Jitkellem id-Deputat Laburista Etienne Grech.
1.38pm: Titkellem ix-Shadow Minister Marthese Portelli .
1.30pm: Jitkellem is-Segretarju Parlamentari Chris Agius.
1.17pm: Jitkellem ix-Shadow Minister Jason Azzopardi .
1.10pm: Jitkellem id-Deputat Laburista Silvio Parnis.
1.01pm: Jitkellem il-Kelliem tal-Oppżizzjoni Charlo’ Bonnici .
12.49pm: Jitkellem il-Ministru Carmelo Abela.
12.37pm: Jitkellem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus .
12.29pm: Jitkellem id-Deputat Laburista Charles Buhagiar.
12.20pm: Jitkellem is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes.
12.08pm: Jitkellem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Francis Zammit Dimech .
12.00pm: Jitkellem id-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis.
11.53am: Jitkellem is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo.
11.50am: Jitkellem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Michael Gonzi .
11.42am: Jitkellem is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne.
11.29am: Jitkellem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni George Pullicino .
11.22am: Jitkellem is-Segretarju Parlamentari Jose’ Herrera.
11.14am: Jitkellem is-Segretarju Parlamentari Ian Borg.
11.03am: Jitkellem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Tonio Fenech .
10.55am: Jitkellem id-Deputat Laburista Luciano Busuttil.
10.45am: Jitkellem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Karl Gouder .
10.32am: Jitkellem il-Ministru Joe Mizzi.
10.21am: Jitkellem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ċensu Galea .
10.08am: Jitkellem il-Ministru Ġorġ Vella.
9.57am: Jibda jitkellem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Antoine Borg .
9.53am: Owen Bonnici preżenta emenda f’din il-mozzjoni biex idawwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja f’mozzjoni ta’ fiduċja fil-Gvern
9.37am: Jibda d-diskors tiegħu il-Ministru Owen Bonnici.
9.15am: Beppe Fenech Adami jirrimarka li fl-aktar dibattitu mportanti u f’mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern, il-persuna fiċ-ċentru tal-iskandlu tal-Panama, Konrad Mizzi, ma kienx preżenti fl-ewwel parti tas-seduta.
9.08am: Il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Beppe Fenech Adami jibda d-diskors tiegħu.
9.05am: F’isem il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, il-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Parlament Mario De Marco ressaq il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern ta’ Joseph Muscat waqt li kienet sekondata mill-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius.
9.00am: L-Ispeaker Anġlu Farrugia għamel twissijiet lil min ikun qed isegwi d-dibattitu fl-istrangers galary biex iġib ruħu kif hu misteni minnu u ma jkun hemm ebda interruzzjonijiet jew imġiba ħażina.
Beppe Fenech Adami
Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-PN, Beppe Fenech Adami, fetaħ id-dibattitu dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern ta’ Muscat u qal li din il-mozzjoni qed tiġi diskussa tliet snin, xahar u ftit ġranet wara li l-PL rebaħ elezzjoni ġenerali bi tliet għajtiet prinċipali – tal-kontabbiltà, tat-trasparenza u li se jagħmel ġlieda kontra l-korruzzjoni. Dawn it-tliet wegħdiet inkisru kollha wara tliet snin.
Għandna gvern maqbud f’mosra ta’ korruzzjoni, impotenti quddiem il-korruzzjoni u PM li hu ċass quddiem il-korruzzjoni u pajjiż fejn għandna l-korruzzjoni li qed tiġi mfassla u mwettqa mill-Uffiċċju tal-PM. Il-veru każ li l-ħuta minn rasha tinten, u meta ras il-ħuta tinten, jibda jnten ukoll kollox. Każ ta’ Gvern maqbud f’morsa ta’ korruzzjoni li qiegħda Kastilja.
Beppe Fenech Adami semma erba’ każijiet kbar ta’ korruzzjoni. L-ewwel skandlu kien dak marbut mal-Australia Hall fejn f’waħda mill-ewwel affarijiet li għamel wara li ħa t-tmexxija tal-pajjiż, il-Gvern ta’ Muscat seraq mill-poplu Malti l-Australia Hall, u ta rigal lil Muscat bħala Kap tal-PL l-Australia Hall – rigal li jiswa aktar minn €10 miljun.
It-tieni skandlu li heżżeż lill-pajjiż kien tal-Cafè Premier meta għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, wara ħafna snin, PM għażel li jżomm fid-dekasteru tiegħu d-Dipartiment tal-Artijiet li llum hu maqbud f’każijiet kbar ta’ skandli u korruzzjoni. Fakkar li fil-każ tal-Cafè Premier, il-PM involva lilu nnifsu direttament u personalment biex jintlaħaq ftehim biex il-gvern jagħti rigal ta’ aktar minn €4 miiljun lil kumpanija li tmexxi l-Cafè Premier.
Ir-rapport tal-Awditur dwar il-każ tal-Cafè Premier ħareġ b’mod skandaluż u abbużiv, każ li kellu jwassal għar-riżenja tal-PM meta b’email personali tiegħu daħal f’negozjati biex jingħataw aktar minn €4 miljun minn flus il-poplu għal falliment ta’ kumpanija privata.
It-tielet skandlu u każ ieħor ta’ korruzzjoni ppjanat mil-Uffiċċju tal-Prim Ministru tratta l-każ ta’ Gaffarena, bl-involviment ukoll tal-Uffiċċju tal-PM. F’din is-sitwazzjon, il-Gvern b’mod mill-aktar abbużiv ħallas aktar minn €3 milun għal nofs dar fil-Belt.
Għal dawn biss, kien ikun biżżejjed biex il-poplu jirrealizza li dan hu Gvern li tradih u li rema’ mit-tieqa l-kontabbiltà, it-trasparenza u flok iġġieled, wettaq il-korruzzjoni bi skandlu ta’ korruzzjoni wieħed wara ieħor, u wieħed akbar minn ieħor.
Fakkar li fl-iskandlu dinji tal-Panama Papers, issemma l-magħżul ta’ Muscat, il-Ministru Konrad Mizzi li għażlu qabel l-elezzjoni, għamlu Ministru u li għalih bidel l-istatut tal-PL biex jagħmlu deputat Mexxej tiegħu fil-PL.
Spjega wkoll li Keith Schembri hu deskritt ukoll bħala l-PM wara Muscat u li hi l-persuna li taf kollox ukoll fuq Joseph Muscat. Żewġ persuni, Keith Schembri u Konrad Mizzi, li nqabdu għax qatt ma kellhom l-intenzjoni li jagħmlu pubbliku l-kumpanija sigrieta fil-Panama li waqqfu meta kienu fil-Gvern ta’ Muscat.
Semma wkoll kif il-Panama jmorru nies biex jiftħu kumpaniji sigrieti għax ikunu jridu jaħbu u dan il-fatt fih innifsu biss, hu raġuni biex il-PM jkeċċihom mhux illum iżda li messu għamel dan 10 ġimgħat ilu.
It-tradiment tal-poplu hu kif il-PM Muscat għadu sal-lum jiddefendi lil dawn in-nies u agħar minnhekk jirrepeti l-gideb, in-nofs veritajiet u l-ereżijiet li qalu dawn iż-żewġ persuni biex jiġġustifkaw il-kumpaniji sigrieti.
Semma li wara l-istejjer foloz li għamlu, l-aktar il-Ministru Konrad Mizzi, il-PM sar kompliċi fil-mod kif qiegħed jiddefendi kemm lill-Ministru Mizzi u liċ-Chief of Staff tiegħu f’Kastilja.
Semma kif m’hemm ebda raġuni fiskali għaliex appartament f’Tas-Sliema u ieħor f’Londra jitpoġġew f’kumpanija fil-Panama – skuża tal-Ministru Konrad Mizzi li rrepetiha l-PM. Semma wkoll il-gidba l-oħra – dik biex jitfa’ l-kera tal-appartament f’Londra – qal li m’hemmx raġuni legali waħda li tiġġustifka kumpanija sigrieta fil-Panama u din ukoll hi gidba li rrepeta l-PM.
Kien hemm ukoll is-saga ta’ gideb fuq il-kontijiet sigrieti li l-PM kompla jiddefendi wkoll għax illum hu konfermat li Konrad Mizzi ried u ħadem biex ikollu kontijiet moħbija – proċess ta’ dan l-iskandlu li kollu beda ħamest ijiem biss wara r-rebħa elettorali meta PL kien għadu jiċċelebra r-rebħa elettorali.
Beppe Fenech Adami qal li hi ħasra li wara tliet snin spiċċajna fost l-agħar fid-dinja meta Konrad Mizzi spiċċa fil-lista ta’ ritratti tal-aktar nies korrotti u maħmuġin u li ġejjin minn gvernijiet korrotti.
It-traġedja f’dan kollu, saħaq il-Viċi Kap tal-PN, hu li għandna PM li qed jiddefendi dan kollu.
Saħaq li l-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern hi għax l-Oppożizzjoni qed tisħaq li l-PM ilu jiddefendi dak li hu ħażin għal tmien ġimgħat u hi difiża bla loġika u ma tagħmilx sens u li tqajjem mistoqsijiet fil-konfront tal-PM.
Dan jikkuntrasta bil-kbir meta Muscat tajjar ras Anġlu Farrugia minn Deputat Mexxej Laburista qabel l-elezzjoni għax ikkritika Maġistrat, u tajjar ukoll lil Godfrey Farrugia minn Ministru għax tella’ tinda fil-carpark ta’ Mater Dei.
Beppe Fenech Adami saħaq li quddiem dan kollu, jew li l-PM tilef l-awtorità li għandu jew il-PM jaf ħafna fuq dawn iż-żewġ persuni li jafu ħafna fuqu.
Saħaq li għall-korruzzjoni ħallasna biżżejjed u appella lill-PM li dan il-pajjiż qed iħallas prezz għoli għall-korruzzjoni. Il-Laburisti ġenwini wkoll xebgħu mill-korruzzoni u ċ-ċittadini onesti ma jaċċettawx aktar PM li jibqa’ jiddefendi l-korruzzjoni.
Iddikjara li l-PM tilef l-awtorità u tilef kull sens ta’ dak li hu sewwa u issa wasal il-mument li l-PM Muscat jitlaq minn postu.
Owen Bonnici
Il-Ministru Owen Bonnici qal li din hi mozzjoni serja; anzi l-aktar mozzjoni serja li klelu quddiemu l-parlament li fiha l-Oppożizzjoni qed titlob lill-Parlament jivvota biex il-gvern jieqaf jopera. Din hi s-sitt mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern li tressqet fi snin twal u fiha l-Oppożizzjoni trid twarrab lill-Gvern li kiseb l-akbar mandat elettorali fl-istorja.
Il-Ministru Bonnici qal li l-Oppożizzjoni qed tkun negattiva u m’għandhiex ideat u sostna li kieku jkun fil-Gvern, Simon Busuttil iwaqqaf il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, iwaqqaf il-proġett tal-isptarijiet ġodda, iwaqqaf il-proġett ta’ Żonqor Point, jagħti direct orders lil nies viċin il-PN, iwaqqaf ir-refużjoni ta’ taxxa żejad fuq il-karozzi u jipperikola l-politika fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, jipperikola l-pjan tal-pensjonijiet, jipperikola l-istipendji, jipperikola d-drittijiet tal-persuni LGBTI u s-sistema tal-mediċini etrġa tirritorna għal kif kienet fi żmien Gvern Nazzjonalista.
Owen Bonnici qal li fil-pajjiż m’hawnx kriżi ta’ korruzzjoni għaliex l-ekonomija sejra tajjeb u qed jonqos il-faqar. Fuq il-kwistjoni tal-Panama ddiiżappuntajna nies, sostna l-Ministru Bonnici, li kompla li l-Prim Ministru diġà ddikjara li se jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn. Hu rrifera għall-Viċi-Kap tal-PN Mario de Marco u qal li de Marco dam ħames snin biex ħallas xogħlijiet li sarulu min kuntrattur li ssemma fil-gazzetti b’rabta mal-Panama Papers. Il-Ministru Bonnici kkritika l-mod kif Beppe Fenech Adami bena d-dar tiegħu u qal li l-Kap tal-PN għandu jneħħi liż-żewġ viċi-kapjiet tal-PN. Fil-pajjiż m’hawnx kriżi politika iżda hawn Oppożizjzoni fi kriżi, sostna l-Ministru Bonnici, li qal li dan hu gvern magħqud li se jibgħat pożittiv lill-UE wara dan il-vot.
Il-Ministru Bonnici ppropona emenda għall-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li fiha jintqla li l-Gvern rebaħ l-ikbar mandatt elettorali mill-Indipendenza, li dan għandu jitwettaq, li l-ekonomija sejra tajjeb, pensjonijiet li qed jgħolew, pajjiż qed joħloq ix-xogħol u li għalhekk il-Parlament għandu fiduċja fil-Prim Ministru Joseph Muscat.
Antoine Borg
Id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg qal li dan hu Gvern mifni bil-korruzzjoni u li l-Partit Laburista ttradixxa lin-nies li vvuttawlu għax ġenwinament riedu li l-pajjiż imur għall-aħjar. Dan hu tradiment li mhux aċċettabbli, sostna Antoine Borg, li kompla li l-kelliema tal-Gvern mhux jitwemmnu fuq ir-raġunijiet li Konrad Mizzi u Keith Schembri użaw biex jiftħu l-kontijiet bankarji barra minn Malta.
Antoine Borg kompla li l-poplu hu dispjaċut b’dawn in-nies li kienu fdati, iżda issa huma ffaċċjati bil-korruzzjoni. In-nies qed tagħmel il-mistoqsijiet, sostna d-Deputat Nazzjonalista, li kompla li l-Prim Ministru ilu jaf 10 ġimgħat b’dawn il-fatti u aġixxa biss biex jipproteġi lin-nies viċin tiegħu. Il-Panama Papers u l-involviment tal-Ministru Konrad Mizzi għamlu ħsara kbira lil Malta u lis-settur tas-servizzi finanzjarji.
Il-Minoranza Parlamentari tista’ tfisser li l-poplu jħossu dgħajjef quddiem dan il-Gvern, li qed iwettaq korruzzjoni kbira.
Ġorġ Vella
Il-Ministru Ġorġ Vella qal li seta’ kien hemm aktar korrettezza fl-aġir ta’ ċerti persuni, iżda s’issa ma jistax ikun hemm fatti ta’ korruzzjoni. Għalhekk il-Mozzjoni hi prematura għax jekk kien hemm korruzzjoni, din għad trid tkun ipprovata, sostna l-Ministru Vella.
Il-Ministru kompla li l-Oppożizzjoni m’għandhiex kredenzjali u kredibbiltà biex titkellem fuq il-korruzzjoni. Hu akkuża lill-Oppożizzjoni li għandha pjan biex tagħmel ħsara lill-pajjiż, filwaqt li internazzjonalment, il-Gvern qed jikseb kredenzjali fost l-aqwa Gvernijiet u rrikonoxxa li parti mis-suċċess hi frott tad-deċiżjonijiet li ttieħdu minn Gvernijiet differenti.
Ċensu Galea
Id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea qal li l-Oppożizzjoni għandha ideat u lesta taħdem, filwaqt li sostna li l-poplu Malti qed jikkummenta kontinwament dwar l-istat redikolu li l-Gvern Laburista ġab lill-pajjiż fih bl-iskandlu tal-Panama.
Ċensu Galea sostna li qatt ma kien hemm allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni kif hawn illum fil-pajjiż, filwaqt li li kompla li l-poplu ma stenniex li l-Gvern se jaġixxi b’dan il-mod. Id-Deputat Nazzjonalista qal li din is-sitwazzjoni qed tkisser l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż.
Joe Mizzi
Il-Ministru Joe Mizzi qal li l-Oppożizzjoni qed timmina d-demokrazija meta titkellem dwar it-trasport pubbliku għax qal li taħt dan il-Gvern saru riformi li t-trasport pubbliku ttejjeb.
Tant hu hekk, qal il-Ministru Mizzi, li llum hemm 15% aktar ġarr ta’ passiġġieri mill-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Hu qal li Ċipru qed tikkunsidra lil Malta bħala mudell fit-trasport pubbliku, filwaqt li sostna li fit-trasport pubbliku m’hemmx korruzzjoni.
Karl Gouder
Id-Deputat Nazzjonalista Karl Gouder qal li hu ħażin li Ministru tal-Gvern jiftaħ kumpanija l-Panama meta f’Malta hawn settur finanzjarju tajjeb. Hu qal li l-Prim Ministru ddefenda l-operat ta’ Konrad Mizzi, iżda fil-verità l-Prim Ministru ma jistax jitwemmen meta Konrad Mizzi u Keith Schembri għamlu minn kollox biex isimhom ma jixxandarx u ma jidhirx.
Il-poplu qed jifhem dak li hu għaddej u hu konxju mill-mod kif Konrad Mizzi u Keith Schembri ppruvaw jiftħu l-kontijiet bankarji f’pajjiżi barranin. Il-Prim Ministru pprova jagħti l-impressjoni li m’hemm xejn ħażin f’dan kollu. Karl Gouder qal li mhux veru li l-Prim Ministru ma kienx jaf, għax kieku kien ikeċċihom.
Dwar l-audit, id-Deputat Nazzjonalista qal li l-informazzjoni f’dawn l-istrutturi ma tistax tkun awditjata.
Luciano Busuttil
Id-Deputat Laburista Luciano Busuttil tkellem dwar l-isport u qal li l-Gvern sab €1.3 miljun f’dejn fil-Kunsill Malti għall-Isport għax kien hemm ħela li kienet se twassal għall-falliment. Il-faċilitajiet sportivi kienu qed jaqgħu biċċiet, filwaqt li kien hemm persuni b’impjiegi ta’ eluf ta’ ewro. Dan meta ma kienx hemm bżonn dawn in-nies.
Qal li l-Gvern iffranka €250,000 minn dan l-eżerċizzju. Fil-pixxina Nazzjonali kien hemm problemi ta’ kollass, sostna Luciano Busuttil, li kompla li kien hemm problemi ta’ ilma li kien kontinwament dieħel fil-konkos. Il-Gvern nefaq €850,000 b’investiment biex il-pixxina tkun irranġata u modernizzata.
Tonio Fenech
Id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech qal li l-Gvern qed jaħrab dak li l-Parlament qed jiddiskuti, tant li ressaq Emenda irrilevanti għall-Mozzjoni li qed titressaq. Il-ħidma tal-Gvern mhijiex is-suġġett ta’ diskussjoni għax il-Parlament qed jiddiskuti l-iskandlu tal-Panama, li qed jagħmel ħsara kbira lill-pajjiż.
Il-Gvern wiegħed li se jkun tarsparenti u kontabbli u mhux Gvern li jagħmel l-iskandli ta’ Gaffarena u tal-Cafe’ Prmier flimkien mal-iskandlu tal-Paanama. Dak li għamlu Konrad Mizzi u Keith Schembri hu ħażin u l-Prim Ministru għandu jerfa’ r-responsabbiltà. Jekk ma jerfahiex, allura l-Prim Ministru hu kompliċi. Pajjiżi oħra ma waslux sal-livelli li wasal fih il-Gvern Malti, tant li f’pajjiżi oħra, Ministri li kienu involuti fl-iskandlu tal-Panama rriżenjaw wara ftit. Iżda Konrad Mizzi u Keith Schembri ma għamlux hekk u allura issa l-Prim Ministru għandu jerfa’ r-esponsabbiltà.
Il-Prim Ministru eleva lil dawn iż-żewġ persuni, tant li ddeskriviehom bħala l-id il-leminja tiegħu u li kellhom iġibu rivoluzzjoni fil-Gvern filwaqt li kellhom iġibu trasparenza fl-operat tal-Gvern. Keith Schembri kien il-persuna li mal-Prim Ministru ddisinja l-kampanja elettroali Laburista. Meta l-Partit Laburista kien għadu fl-Oppożizzjoni, Keith Schembri u Joseph Muscat marru anke flimkien il-Libja għax fil-verità, Keith Schembri hu l-Prim Ministru wara l-Prim Ministru. Dawn huma għażliet li għamel il-Prim Ministru.
Tonio Fenech fakkar li l-Prim Ministru ta wkoll kariga importanti ħafna lill-Ministru Konrad Mizzi meta poġġih ukoll Deputat Mexxej Laburista. Dawn innegozjaw kuntratti kbar fil-pajjiż u għalhekk hu inkwetanti li Konrad Mizzi u Keith Schembri marru jiftħu l-kumpaniji sigrieti fil-Pamana u qed jagħmlu isem internazzjonali ħażin lil Malta.
Ian Borg
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li l-Gvern qed iwettaq diversi inizjattivi fl-Edukazzjoni, fl-Isports u f’Għawdex. Hu tkellem dwar il-fondi Ewropej u qal li l-isfida tal-Gvern kienet li Malta tassorbi s-€700 miljun li ma kienux għadhom ittieħdu mill-Gvern Nazzjonalista. Qal li kien il-Gvern Laburista li ffinalizza diversi proġetti ta’ restawr grazzi għal dawn il-fondi.
Jose’ Herrera
Is-Segretarju Parlamentari Jose’ Herrera qal li l-aggressjoni politika qed ittellef l-investiment. Hu awgura li wara dan id-dibattitu, terġa’ tirrenja l-prudenza u n-normalità politika.
George Pullicino
Id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino semma’ l-wegħdi elettorali ambjentali li għamel il-Partit Laburista, filwaqt li qal li dawn ġew kollha ngannati foshtom dwar il-Power station u l-arja nadifa. Joseph Muscat ippreżenta lil Konrad Mizzi bħala l-wiċċ tal-Partit Laburista f’diversi setturi, fosthom il-Power station.
Miegħu kien hemm ukoll Keith (Kasco) Schembri, li flimkien fasslu l-Pjan għall-Enerġija. Tliet snin wara, il-pajjiż għad għandu l-istess Power Station, bid-differenza li dawn issa tawha liċ-Ċiniżi. Dan it-trio daħħal lil Malta fil-problemi u dawn mhux talli ma naddfux Marsalxokk, iżda talli ħammġu isem Malta.
George Pullicino kompla li l-kontijiet tad-dawl traħħsu mhux għax saret Power Station ġdida, iżda għax raħas il-prezz internazzjonali taż-żejt u fuq kollox għax il-Power Station il-ġdida ma saritx. Kif tela’ l-Partit Laburista fil-Gvern, tkeċċew nies li kienu ta’ theddida għat-tlett iħbieb li siefru flimkien fl-Ażerbajġan. Din iż-żjara ġabet anke l-kritika tal-Awditur Ġenerali.
Hu staqsa kif Keith Schembri għamel il-flus meta fi żjara waħda fl-Ażerbajġan, il-pajjiż tielef €14-il miljun. Il-kuntratti tal-Power Station għadhom moħbija u Malta se jkollha tixtri enerġija bi prezzijiet ogħla minn dawk tas-suq. Il-Gvern ħareġ anke garanzija bankarija għall-kumpanija li se tibni l-Power Station u bigħ art liċ-Ċiniżi, li tista’ tiġi spekulata.
Konrad Mizzi m’għandux idea ta’ servizz u l-frażi “Shame on You” tgħodd għalih, irrimarka George Pullicino, li kompla li l-Prim Ministru qed iwettaq politika li l-politiċi mhux jinżammu responsabbli għal għemilhom.
Chris Fearne
Is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne qal li dak li qed iseħħ fil-pajjiż qed jieħu lill-pajjiż lura għat-tmenijiet minħabba l-bloggers u minħabba l-atteġġjament tal-Oppożizzjoni. Hu qal li jista’ jkun li din il-politika twassal għall-mibegħda u l-vjolenza. Fearne tkellem dwar is-saħħa u qal li hu pożittiv li l-Gvern ippubblika l-Patient’s Charter, nieda skola ġdida għall-kirurgi u qed isiru l-pjani biex jibdew jitqassmu l-mediċini fid-djar.
Michael Gonzi
Id-Deputat Nazzjonlaista Michael Gonzi qal li dan hu mument traġiku fil-pajjiż għax il-pajjiż spiċċa fuq il-media internazzjonali għal raġunijiet negattivi. Il-Gvern qed ikisser il-fama li kien bena Gvern Nazzjonalista għal Malta. Michael Gonzi qal li l-Mozzjoni tisfida lil kull Deputat biex jesprimi pożizzjoni li ma jridx li Malta tibqa’ titlef ġieha.
Stefan Buontempo
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo qal li l-poplu qed jistenna li l-Oppożizzjoni tispeċifika l-pjani li għandha, filwaqt li semma’ l-miżuri li daħħal il-Gvern fl-enerġija, fis-saħħa u fl-edukazzjoni.
Anthony Agius Decelis
Id-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis qal li b’idejh fuq il-kuxjenza jiddikjara li Malta għandha bżonn lil Joseph Muscat bħala Prim Ministru. Kompla li l-Gvern ħadem kontra l-faqar, ħoloq ix-xogħol, daħħal Liġijiet ġodda u qed iġib l-investiment.
Francis Zammit Dimech
Id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li internazzjonalment qed ikun rapportat li l-Banek avviċinati għal Konrad Mizzi u Keith Schembri telgħu għal disa’ Banek. L-istorja se tiġġudika lil kulħadd, sostna Zammit Dimech, li rrefera għar-riżenja tal-Ministru Franċiż għall-Enerġija minħabba żbalji li għamel qabel daħal fil-politika.
Id-Deputat Nazzjonalista kompla li d-Deputati Laburista qed jippruvaw jibdlu l-Vot ta’ Sfiduċja f’diskussjoni dwar l-operat tal-Gvern. Il-Gvern ma jistax jibqa’ għaddej bil-Ministru Konrad Mizzi u b’Keith Schembri jmexxu u bil-Prim Ministru f’nofshom ma jagħmel xejn. Il-Gvern qed jipprova jevita li jitkellem dwar l-agħar skandlu li laqat lil Malta fl-aħħar snin. Staqsa għaliex is-sitwazzjoni f’Malta għandha tkun differenti minn dik li hi f’pajjiżi barranin meta f’Malta kollox sar wara li Konrad Mizzi sar Ministru u Keith Schembri sar Chief of Staff tal-Prim Ministru.
Francis Zammit Dimech qal li l-Emenda tal-Gvern hi diżappuntanti għax hi tentattiv biex tispostja d-diskussjoni u titratta l-ekonomja. Iżda dan ma jiġġustifikax li Ministru tal-Gvern jiftaħ kumpanija fil-Panama. Il-ħażin ġara fuq il-fatti li diġà ngħataw.
Zammit Dimech fakkar li ngħatat il-‘go ahead’ biex jinfetħu l-kontijiet u qal li The Economist iddikjarat li “Joseph Muscat is a rarity in the EU” għax ma keċċiex lill-Ministru Mizzi. The Economist iddeskriet l-iskandlu internazzjonali tal-Panama bħala “dredging the canal of corruption”. Hu qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat mhux jitwemmen aktar.
Roderick Galdes
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal li Ministri Nazzjonalisti ma ddikjarawx kontijiet li kellhom fl-Iżvizzera, filwaqt li Konrad Mizzi kien umli biżżejjed li ddikjara l-kontijiet kollha u fihom ma nsibu xejn. Qal li l-Oppożizzjoni attakkat lill-Ministru Konrad Mizzi għax hu ‘naive’ għax ma kienx hemm korruzzjoni u nbnew xenarji li ma jeżistux. Hu staqsa x’se tagħmel l-Oppożizzjoni jekk jirriżulta li ma kien hemm xejn fl-awditjar li qed isir.
Charles Buhagiar
Id-Deputat Laburista Charles Buhagiar tkellem dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol, iċ-child care, il-propjetà u ċ-Ċittadinanza.
Ryan Callus
Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus semma’ kif fost is-sensiela ta’ skandli, kellna dak taż-Żonqor, li beda juri xquq tal-Gvern ta’ Muscat meta għall-ewwel darba rajna Deputat dak iż-żmien tal-Gvern, Marlene Farrugia, tattendi Protesta Nazzjonali kontra l-iskandlu taż-Żonqor għall-mod kif intgħażlet l-art.
Semma’ wkoll il-Liġi tal-Ippjanar kif riedha l-Gvern, li fissirha bħala riċetta eċċezzjonali fejn l-affarijiet isiru bil-moħbi u jbati l-poplu. Fisser li ż-Żonqor kien skandlu għax il-Prim Ministru ma ddejjaq xejn jgħid li offra l-art taż-Żonqor wara biss minuta f’laqgħa li kellu mal-iżvilupattur barrani, kif ukoll rema’ lill-iżviluppaturi Maltin li wara li ħadilhom il-vot, warrabhom.
Sejjaħ l-involviment tal-Prim Ministru f’dan kollu bħala wieħed ċentrali meta ħassu komdu jinnegozja art verġni u jispekulaha għall-bini meta issa sirna nafu li din mhi Università xejn u lanqas hi Amerikana.
Quddiem l-iskandlu tal-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri, Ryan Callus qal li qed naraw kif ir-reputazzjoni li nbniet matul is-snin li għaddew minn amministrazzjonijiet Nazzjonalisti, tinħatt fi ftit żmien.
Filwaqt li rrimarka li dawk l-esponenti ewlenin tal-Gvern li kellhom il-kuraġġ jappellaw lill-Prim Ministru dwar il-ħsara li qed issir, xorta se jivvutaw mal-Gvern, dan ma jfissirx li dak li qalu dakinhar se jtir mar-riħ u li l-ħsara lil pajjiżna se tieqaf.
Wissa lill-Prim Ministru li l-maġġoranza li darba kellu l-Partit Laburista, issa m’għadhiex dik li kienet tliet snin ilu. Sejjaħ bħala l-akbar żball tal-Gvern Laburista li hu moħħu fil-maġġoranza li għandu fil-Parlament, a skapitu tal-interess nazzjonali li jirrappreżenta l-maġġoranza barra l-Parlament.
Carmelo Abela
Il-Ministru Carmelo Abela qal li hu Simon Busuttil li għandu jirriżenja, anke minħabba l-iskema taċ-Ċeodli. Hu qal li wara l-Panama Papers, se jġibu bidliet internazzjonali, fejn f’pajjiżi barranin kien hemm reazzjonjiet. Il-Ministru tal-Intern kompla li d-differenza hi li f’Malta hawn Oppożizzjoni distruttiva, li qed tipprova tnessi l-affarijiet li saru fl-aħħar snin.
Charlo’ Bonnici
Id-Deputat Nazzjonalista Charlo’ Bonnici qal li kumpaniji fil-Panama jistgħu ma jkunux illegali, iżda m’humiex aċċeettabbli fil-politika. Dak li qed isir issa jġib diżappunt fost il-Ministri u d-Deputati Laburisti li qed jipprovaw jaħdmu għall-ġid tal-poplu. Kienu l-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri li minn wara dahar kulħadd fetħu kumpaniji fil-Panama.
Quddiem dan kollu, il-Prrim Ministru ilu 50 ġurnata jgħaddi lill-pajjiż biż-żmien u jċappas isem Malta ma’ kullimkien. Il-Prim Ministru kellu jaġixxi immedjatament u għandhom raġun il-Laburisti li jħossuhom traduti. Għalhkek il-Mozzjoni ta’ Sfiduċja kienet l-unika għażla li kellha l-Oppożizzjoni.
Charlo’ Bonnici qal li m’hemmx raġuni valida għaliex Sai Mizzi ngħatat €550,000 u kompla li ħadd ma jagħti żewġ Ministeri enormi, bħal tas-Saħħa u tal-Enrġija, għalxejn kif ħadd ma jingħata €13,000 fix-xahar għalxejn.
Silvio Parnis
Id-Deputat Laburista Silvio Parnis semma’ d-diversi inizjattivi li daħħal Gvern Laburista u qal li l-Parlament m’għandux jisfiduċja lill-Prim Ministru Joseph Muscat.
Jason Azzopardi
Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi qal li qabel rebaħ il-Gvern, il-Partit Laburista kien qed jaġixi b’mentalità korrotta. Minkejja d-diskorsi dwar it-trasparenza, Muscat appunta lil Keith Schembri biex jitkellem fil-Libja dwar iż-żejt. Qabel l-elezzjoni, Muscat kien qed jiltaqa’ ma’ Gaffarena u persuni oħrajn u wara l-elezzjoni, il-Gvern wettaq l-iskandlu ta’ €4.2 miljun mal-Cafe’ Premier.
Dan l-iskandlu kien negozjat bl-email personali tal-Prim Ministru, li qal li kien għadu qed jitgħallem mill-iżbalji. Minkejja dan, il-Gvern kien qed jaħbi l-iskandlu ta’ Gaffarena. Il-Gvern ma kellu l-ebda skop għal din il-binja u kien Gaffarena li ddetta lill-Gvern biex jgħidlu x’għandu jixtri.
Jason Azzopardi semma’ d-dettalji tal-iskandlu Gaffarena u qal li l-Gvern stma l-binja bħala waħda fabbrikabbli biex din ikollha valur akbar. Minkejja l-parir li ngħata, il-Gvern baqa’ għaddej. Issa qed ikun iddikjarat minn Uffiċjal tad-Dipartiment tal-Artijiet wara pressjonijiet kbar li kellu biex dan il-ftehim isir. L-uniku bżonn li kien hemm kien li Gaffarena jsir sinjur.
Id-Deputat Nazzjonalista tkellem dwar l-involviment ta’ ulied l-eks Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit flimkien ma’ kumpaniji ta’ Gaffarena. Qal li mhux bżonn li għad fadal inġustizzji fis-soċjetà, filwaqt li jsiru dawn l-iskandli u l-persuni viċin il-Prim Ministru jiftħu l-kumpaniji fil-Panama.
Il-Prim Ministru qed jgħatti lil sħabu li jiftħu dawn il-kumpaniji. Din mhijiex Mozzjoni biex issir elezzjoni ġenerali, iżda biex ikun hemm bidla fit-tmexxija tal-Partit Laburista, sostna Azzopardi.
Chris Agius
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius semma’ s-snin tmenin u qal li l-Oppożizzjoni kienet tfixkel bejn l-1981 u l-1987, meta l-Gvern kien elett demokratikment. Hu tkellem dwar l-inizjattivi għaż-żgħażagħ.
Marthese Portelli
Ix-Shadow Minister Marthese Portelli qalet li Konrad Mizzi u Keith Schembri huma l-ħbieb tal-Prim Ministru, li għadu sieket. Hi staqsiet għaliex il-Prim Ministru ma jridx jikkundanna lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri.
F’Marzu 2015, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali (NAO) ppubblika rapport dwar il-hedging taż-żejt li l-Gvern għamel sena qabel. Kien stabbilit li l-NAO kellu riżervi dwar dak li sar u li kien hemm nuqqas ta’ dokumentazzjoni u nuqqas ta’ kontabbiltà, li wasslu għal telf ta’ €14-il miljun.
Marthese Portelli qalet li trid tingħata spjega għaliex indaħal direttament il-Ministru Konrad Mizzi biex ix-xiri jsir mingħand is-SOCAR. Il-Gvern jibqa’ ma jippubblikax il-kuntratti tal-hedging u għalhekk staqsiet jekk dawn il-miljuni spiċċawx fil-kumpaniji tal-Panama jew f’xi Trust.
Marthese Portelli staqsiet jekk il-politika tal-Gvern wasslitx biex ingħataw il-kummissjonijiet. Fir-realtà, il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel għadhom ogħla minn ħafna pajjiżi, fosthom il-Lussumburgu.
Marthese Portelli qalet li l-istess kumpanija li ppreparat ir-rapport dwar il-Power Station, issa din ingħatat direct order. Il-Ministeru mhu jagħti l-ebda spjega dwar dan. Dan hu Gvern tal-iskandli, fosthom mid-Dipartiment tal-Artijiet, li għalih hu responsabbli l-Prim Ministru. Joseph Muscat tilef l-awtorità morali biex jiggverna.
Etienne Grech
Id-Deputat Laburista Etienne Grech qal li dan hu Gvern li qed iwettaq il-ġid u għalhekk il-Mozzjoni hi bla bżonn. Dan hu Gvern magħqud, sostna Etienne Grech, li ddefenda lil Konrad Mizzi billi qal li l-kumpanija tiegħu ma kienx fiha flus. Irrepeta li l-benefiċċjarji tat-Trust kienu l-mara u t-tfla tiegħu, tant li fil-Panama Papers, Malta kienet biss qatra f’oċean.
Robert Cutajar
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li l-poplu Malti nduna b’dan l-ingann tal-Gvern Laburista, li qed jitlef il-fiduċja anke tal-Laburisti. Hu sostna li l-Gvern inqabad bl-iskandlu tal-Panama, fejn il-Prim Ministru m’għamilx dak mistenni minnu u ma ħax id-deċiżjonjiet meħtieġa.
Il-poplu stenna politika differenti u dan ma kienx l-istil ta’ politika li kien imwiegħed. Il-poplu qed jibgħat messaġġ ċar li jrid jgħix ħajja normali. Hu tkellem dwar il-każ tal-Cafe’ Premier u qal li dan ingħata €42 miljun bl-involviment dirett tal-Prim Ministru.
Ma kien hemm l-ebda pjan għall-Cafe’ Premier, sostna Robert Cutajar, li qal li l-laqgħat ma sarux b’kumbinazjzoni. Il-fatti huma li l-Cafe’ Premier għalaq l-għada tal-elezzjoni ġenerali. Kienet l-Oppożizzjoni li żvelat dan il-każ għax li kien għall-Gvern, dan kien jibqa’ mistur.
Dan kien każ ieħor li fih hemm xamma ta’ korruzzjoni. U minkejja d-diskorsi kollha li saru, il-binja tal-Cafe’ Premier għadha m’għaddietx għand il-Kunsill Lokali tal-Belt.
Joe Sammut
Id-Deputat Laburista Joe Sammut tkellem dwar il-pensjonijiet, l-isptarijiet, it-trsport pubbliku u l-istipendji. Hu qal li l-iskandlu tal-Panama hu skandlu tal-Panama u mhux ta’ Malta għax sar ‘il bogħod minn pajjiżna.
Id-Deputat Laburista qal li dan hu allegat skandlu u sostna li l-Prim Ministru qed jagħmel sew li jistenna r-rapporti qabel ma jieħu d-deċiżjonijiet. Hu ddefenda l-kunċett tat-Trust u qal li f’pajjiżi barranin, dan il-kunċett jitħaddem aktar minn Malta.
Joe Sammut spjega għaliex jintużaw it-Trusts, fosthom li fil-kuntest politiku jista’ jkun hemm min ipoġġi ġidu fi Trust u l-ġid ikun ikkontrollat mit-Trustees. Qal li l-Panama baqgħet bil-kunċett tal-offshore, fejn it-Trusts jintużaw legalment għalkemm bħal f’kollox hemm min jabbuża.
Dan hu l-istes bħall-invenzjoni ta’ Einstein meta ħoloq in-nukleari: inħoloq għal skopijiet tajbin, iżda hemm min jużah għal skop ħażin, sostna d-Deputat Laburista.
Claudio Grech
Ix-Shadow Minister Claudio Grech qal li d-Deputati Maltin għandhom frustazzjoni għax il-Panama Papers qed jattakkaw ir-reputazzjoni tajba li kisbet Malta. Din hi Mozzjoni li għandha l-bżonn ittemm l-inċertezza ħalli Malta jerġa’ jkollha l-istabbiltà u terġa’ tikseb ir-reputazzjoni tajba li kellha. Il-Gvern għandu jagħti widen għall-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni u anke tas-soċjetà ċivili.
B’insistenza kbira, il-Gvern baqa’ jaħbi l-akbar kuntratti li qatt daħal fihom il-pajjiż, fosthom tal-bejgħ tal-Enemalta, tal-artijiet li ngħaddew bħala parti minn dan il-ftehim, tal-bejgħ tal-BSWC, il-kuntratt li bih il-Gvern qed jixtri l-elettriku mill-Power Station tal-BWSC, il-kuntatt tal-Electrogas, il-‘power purchase agreement’ mal-Electrogas, iż-żewġ garanziji bankarji li għamel il-Gvern, il-ftehim dwar l-operatur privat tal-MOBC, tal-interconnector u l-prezz li l-pajjiż qed jixtri bih l-elettriku. Claudio Grech staqsa għaliex, jekk dawn huma ftehim benefiċċjarji, il-Gvern mhux qed jippubblikahom.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li din mhijiex kwistjoni ta’ Laburisti jew Nazzjonalisti, iżda kwistjoni tal-poplu. Il-ħsara tal-Panama Papers issa saret u għalhekk il-Gvern irid fittex isolvi l-problema. Jekk il-Gvern irid iħassar kull dubju dwar dawn il-kuntratti, għandu jagħmel l-ewwel pass u jippubblika l-kuntratti.
Deo Debattista
Id-Deputat Laburista Deo Debattista qal li kif għamel f’każi oħra, il-Prim Ministru qed jistenna l-mument opportun, anke fil-każ tal-Panama Papers, li huma fuq fomm kulħadd. Kif sab soluzzjoni għal kwistjonijiet oħra, hekk se jsib soluzzjoni għal din il-kwistjoni wkoll għax dan hu Gvern li jwettaq u jsib is-soluzzjonijiet.
Toni Bezzina
Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li valuri importanti huma l-ugwaljanza, l-irġulija u r-rispett lejn il-ħaddiem iż-żgħir. Għal dawn ir-raġunijiet, dak li għamlu l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri qed iweġġgħu anke lil-Laburisti ġenwini. In-nuqqas ta’ azzjoni mill-Prim Ministru qed twassal biex isem Malta jissemma’ ma’ dawk involuti fil-ħmieġ tal-korruzzjoni.
Toni Bezzina qal li min jiftaħ dawn it-tip ta’ kontijiet ikun qed jitħammeġ hu u jħammeġ lil min hu assoċjat miegħu. Il-Prim Ministru għadu ma jridx jirrealizza kemm il-kwistjoni tal-Panama Papers hi serja għal pajjiżna. Mossack Fonseca, il-kumpannija li tirrappreżenta lil Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama, hi assoċjata ma’ attivitajiet ta’ korruzzjoni.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li dan hu skandlu wieħed minn diversi li fihom dejjem hemm l-involviment ta’ Kastilja. Dawn jinkludu l-każijiet tal-Australia Hall, tal-Cafe’ Premier, tal-bini fi Triq Zekka u l-kuntratti dwar xiri ta’ żejt mill-Ażerbajġan b’telf ta’ miljuni ta’ ewro għall-pajjiż.
Dan qed iħalli effett ħażin fuq iż-żgħir fis-soċjetà, b’nies qrib Kastilja jitħallew għaddejjin meta ma jonorawx l-obbligi tagħhom iżda jittieħdu passi drastiċi kontra n-negozjant iż-żgħir b’aktar issikkar.
Bħala eżempju, hu qal li filwaqt li mhux qed jitħallsu sussidji dovuti lill-bdiewa, il-Gvern mhu jara xejn ħażin biex jintrabat li jħallas prezz ta’ enerġija lil kumpannija li hu aktar minn dak normali għal 18-il sena.
Justyne Caruana
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana sostniet li l-Gvern għamel attakk serju fuq il-prekarjat u wettaq ħafna proġetti għall-poplu kollu kontra dak li għamel il-Gvern ta’ qabel, li kien jasal biss saċ-Ċirkewwa.
Kristy Debono
Id-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono qalet li l-Parlament qed jiddiskuti din il-Mozzjoni għax il-Prim Ministru baqa’ ma ħa l-ebda passi kontra dak li wettqu l-Ministru Konrad Mizzi u l-Kap tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Kristy Debono qalet li mhux minnu li l-Oppożizzjoni qed tieħu dan il-pass biex tiddistabilizza l-Gvern jew biex ittellef l-investiment. Dan mhux qed tagħmlu l-Oppożizzjoni, iżda l-istess Gvern, li qed jiddistabilizza lilu nnifsu. Mhux minnu lanqas li dan kollu qed isir b’manuvri mill-Oppożizzjoni.
Illum il-media soċjali turi li dak li qed isir f’Malta hu analizzat mid-dinja kollha. Kristy Debono qalet li min-naħa tal-Gvern baqa’ jiddefendi dak li ma jistax ikun difiż u qed jagħmel biss ħsara lill-pożizzjoni tiegħu. Hemm bżonn li tittieħed azzjoni issa għax il-ħsara li qed issir se tkompli tikber b’effetti fuq telf ta’ impjiegi.
Id-Deputat Nazzjonalista ssuġġeriet lill-Gvern biex iqabbad kumpanija indipendenti ħalli tagħtih stampa tal-effett negattiv li dan l-iskandlu qed iħalli fuq il-pajjiż. Ilna naraw pajjiżi oħra jagħmlu attakki fuq l-istrutturi ta’ pajjiżna bil-għan li jieħdu investiment lejn xtuthom. B’dak li qed jippermetti li jsir il-Gvern, qed jgħinhom fil-għan tagħhom u jitlef opportunità li jkun jista’ jiddefendu ruħu mill-attakki li jsiru.
Kristy Debono qalet li ilna tliet snin nisimgħu lill-Prim Ministru jiftaħar li qed jinnota l-iżbalji li qed isiru. Il-pajjiż ma jistenniex Prim Ministru li jinnota l-iżbalji, iżda Prim Ministru li jagħmel minn kollox biex jevita dawk l-iżbalji.
Dan hu Gvern għalkollox il-kontra ta’ dak imwiegħed qabel l-elezzjoni. Illum qed naraw Gvern li ħadd ma kien jistenna kemm se jkun kreattiv fl-isfera tal-iskandli.
Deborah Schembri
Is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri qalet li l-Gvern kellu jibni mill-ġdid fuq in-nuqqasijiet li kien hemm fl-amministrazzjoni ta’ qabel, li ma għamlet xejn. Hi sostniet li l-poplu laqa’ tajjeb ħafna l-Avviż Legali maħruġ dan l-aħħar dwar il-billboards.
Deborah Schembri ma għamlet l-ebda referenza għall-iskandlu mqanqal mill-Panama Papers. Filwaqt li nsistiet li l-Gvern preżenti ilu fil-poter tliet snin, qalet li issa qed issir riforma fid-Dipartiment tal-Artijiet.
Charles Mangion
Id-Deputat Laburista Charles Mangion qal li din l-okkażjoni, ta’ dibattitu maratona se tagħti aktar saħħa lill-Gvern, bil-Grupp Parlamentari Laburista kollu wara l-Prim Ministru, li dejjem ħa d-deċiżjonijiet fil-mument opportun.
Paula Mifsud Bonnici
Id-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici qalet li hi ħasra li fi żmien tliet snin, minflok wettaq dak li wiegħed qabel l-elezzjoni, il-Gvern qed jgħabbi liż-żgħir b’piżijiet biex jagħmlu tajjeb għas-somom kbar li qed jitħallsu għall-iżbalji.
Illum, wara ġimgħat sħaħ minn meta nkixef l-iskandlu tal-Panama, il-Prim Ministru ma għamel xejn ħlief iddefenda lill-Ministru Konrad Mizzi u lil Keith Schembri. Il-Prim Ministru jara lil dawn it-tnejn bħala nies ġenwini u fl-istess waqt jibqa’ jżomm sigriet isem il-kumpannija li qed tagħmel l-audit. Insibu wkoll li l-Kummissarju tal-Pulizija, li deherlu li ma kellux x’jinvestiga dwar dan kollu.
Paula Mifsud Bonnici qalet li l-Prim Ministru ntilef jiddefendi lil tnejn min-nies li nqabdu jiftħu kumpaniji sigrieti fil-Panama minflok ma jiddefendi lill-batut fis-soċjetà. Il-Gvern mhux iwettaq il-politika soċjali li tant ftaħar biha qabel l-elezzjoni.
Id-Deputat Nazzjonalista semmiet każ ta’ mara li għandha aktar minn 50 sena u li għadha trabbi żewġt itfal, wieħed minnhom bi bżonnijiet speċjali. Din sabet ruħha ħabta u sabta mingħajr l-għajnuna soċjali li kienet qed tirċievi.
Filwaqt li kkundannat lil min jabbuża mis-servizzi soċjali, Paula Mifsud Bonnici qalet li l-Gvern f’dan il-każ aġixxa mill-ewwel fuq rapport u mingħajr ma nvestiga, tant li ma qgħadx jistenna tmien ġimgħat kif għadu jagħmel s’issa fil-każ tal-Ministru Konrad Mizzi.
Filwaqt li l-Gvern qed isib flus għall-korruzzjoni, mhux qed isib flus biex jgħin lil dawk li huma fil-bżonn.
Joe Debono Grech
Id-Deputat Laburista Joe Debono Grech allega li meta daħlu fil-Ministeri, il-Ministri Laburisti sabu kullimkien imkisser mhux kif sabu l-Ministri Nazzjonalisti fl-1987. Qal li l-Gvern irnexxielu jsolvi l-problema tas-sodod fil-kurituri, tal-pilloli out-of-stock u tal-waiting list.
Hu għamel parti sostanzjali mill-intervent jattakka lill-Partit Nazzjonalista ta’ żmien Gvern Laburista ta’ Duminku Mintoff, filwaqt li sostna li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet taġixxi biex tiddistabilizza lill-Gvern.
Robert Arrigo
Id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo qal li llum qed naraw lil Gvern qisu karozza b’erba’ slow punctures u li issa anke waqgħetilha l-magna. Minbarra l-lista twila ta’ skandli li issa ilhom jissemmew, hemm ukoll il-każ tal-50ċ għal kull lejl, li fost l-oħrajn se tkun qed teffettwa lil eluf ta’ familji li jospitaw lill-istudenti.
Robert Arrigo qal li min ivvota lill-Partit Laburista llum jistaqsi lilu nnifsu jekk dak li qed naraw huwiex il-Gvern li vvota għalih. Il-Gvern mhux suppost li hu kontra min jaqla’ l-flus. Hu Gvern li għandu kull dritt ikompli jiggverna u, minflok joqgħod jiġi mqabbel il-passat mal-preżent, għandu jieħu ħsieb il-futur u jara kif jirranġa l-iżbalji kollha li saru.
Robert Arrigo qal li kieku Malta ma ssemmietx fil-Panama Papers, pajjiżna kien ikollu kull opportunità jiftaħar b’dan u jkompli jħajjar l-investiment. Madankollu, il-pajjiż qed jitlef din l-opportunità minħabba dak li sar mill-Ministru Konrad Mizzi u miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li saru ħafna diskorsi dwar dan il-każ, iżda kellha tkun l-Oppożizzjoni li tara li jsir xi ħaġa.
Evarist Bartolo
Il-Ministru Evarist Bartolo semma’ eżempji ta’ studenti u persuni li bil-passi li ħa l-Gvern irnexxielhom jegħlbu d-diffikultajiet li kellhom u sabu l-kuraġġ ikomplu l-iskola jew isibu impjieg.
Semma’ każi ta’ persuni gay, ta’ persuni b’diżabbiltà jew ommijiet li ma kellhomx mezzi finanzjarji biżżejjed biex jibgħatu lil uliedhom f’child care centre. Qal li filwaqt li pajjiżi oħra mxew b’politika ta’ awsterità, il-Gvern Malti kompla jkabbar l-investiment u jwettaq il-politika soċjali li jemmen fiha.
Evarist Bartolo qal li filwaqt li tajjeb li tinkiseb il-fiduċja tal-Parlament, il-Gvern għandu jara li jkollu wkoll il-fiduċja tal-poplu. Din faċli titlifha u diffiċli żżommha. F’mument bħal dan, kulħadd għandu jagħmel eżami tal-kuxjenza, anke bħala pajjiż.
Filwaqt li kkwota lil Mikhail Gorbechev, Evarist Bartolo qal li jaħseb li l-Oppożizzjoni tilfet il-proporzjon politiku għax qed tara lill-partit fil-Gvern bħala l-avversarju politiku. L-avversarju għall-politiku għandu jkun in-nuqqas ta’ livell ta’ għajxien u dan hu dak li għandu jiġġieled kull politiku.
Evarist Bartolo qal li ma jiswa xejn li jsir attakk kontra l-kumpaniji fil-Panama, iżda mbagħad isiru affarijiet li jmorru kontra l-ispirtu tal-Liġi dwar il-Finanzjament tal-Partiti. Qal ukoll li hu tajjeb li jsir dak kollu possibbli biex wieħed ikun jista’ jikseb aktar flus, iżda aktar importanti hu li naraw li dak li jsir ikun is-sewwa.
Joe Farrugia
Id-Deputat Laburista Joe Farrugia qal li b’din il-Mozzjoni, l-Oppożizzjoni qed turi kemm għadha maqtugħa mir-realtà. Il-poplu qed jesprimi ottimiżmu, u mhux sfiduċja, fil-konfront ta’ dak li qed isir mill-Gvern.
Il-kritika tal-Oppożizzjoni mhijiex sfiduċja fil-Gvern, iżda sfiduċja fil-kumpaniji u fl-investiment barrani li qed isir, tenna d-Deputat Laburista.
Clyde Puli
Id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli qal li dan il-Gvern hu involut fl-akbar skandlu ta’ korruzzjoni. Dan l-iskandlu jingħadd ma’ lista’ twila ta’ skandli, bil-Prim Ministru li minflok iwaqqaf il-ħsara, jibqa’ jipprova jwaħħal f’ħaddieħor.
Fil-każ tal-Panama, mhux min irrapporta jew ikkritika l-każ qed jagħmel il-ħsara, iżda min baqa’ jipprova jiftaħ kontijiet wara li kien involut fin-negozjar tal-aktar kuntratti importanti f’din il-leġislatura. Kulħadd għadu jistenna lill-Prim Ministru jitkellem, iżda ħadd mhu jistenna li jkunu mikxufa xi dettalji ta’ kontijiet li jinżammu sigrieti.
Clyde Puli qal li l-istħarriġ tal-pubbliku qed juri kemm il-Gvern u l-Prim Ministru qed jitilfu l-popolarità. Il-Gvern ma jridx jilludi ruħu li l-appoġġ li se jsib fil-Parlament illum hu l-istess appoġġ li se jsib mill-poplu barra mill-Parlament.
Michael Falzon
Id-Deputat Laburista Michael Falzon qal li l-Gvern se jibqa’ jiggverna għal sentejn oħra u anke jrid ikompli jiggverna wara ħalli jkompli l-ħafna xogħol li diġà sar.
Chris Said
Ix-Shadow Minister Chris Said qal li ħadd qatt ma kien jistenna li tliet snin biss wara r-rebħa kbira li għamel il-Partit Laburista se nkunu f’pożizzjoni fejn il-maġġoranza kbira tal-poplu jemmnu li għandna Gvern korrott. Fisser dan bħala gravi u gravi ħafna.
Ikkritika lill-Gvern li ma għamel xejn quddiem dan l-akbar skandlu ghax iddefenda l-gideb li ħarġu waħda wara l-oħra, iddefenda l-indifensibbli u ġie jaqa’ u jqum mill-ħsara li qed tiġri lill-pajjiżna. Agħar minnhekk, ipprova jbenġel dan l-akbar skandlu li fih hemm involuti l-id il-leminija u l-id ix-xellugija tiegħu, b’attakk ukoll fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni li intensifika wara li faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers.
Dwar l-iskema Ċedoli li ħareġ il-Partit Nazzjonalista, Chris Said qal li l-iskema hi skont il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti u li dwarha l-Partit kiteb lill-MFSA, li ma kellha l-ebda oġġezzjoni. Ikkritika li hu l-Partit Laburista li kull darba li kien fil-Gvern uża propjetà pubblika u fondi pubbliċi biex jiffinanzja lilu nnifsu u għandu aktar minn 30 propjetà li huma misruqa lin-nies.
Semma wkoll kif il-Partit Laburista, kull meta kien fil-Gvern, ikkumpensa wkoll lill-GWU minn flus il-poplu kif għamel ukoll f’din il-leġiżlatura. Chris Said irrimarka li l-poplu mhux jemmen aktar lil Muscat u lill-Gvern tiegħu.
Hu ddikjara li filwaqt li l-Partit Laburista qed jirbaħ il-vot fil-Parlament, se jkompli jitlef il-fiduċja tal-poplu għax jaf li dan hu Gvern mgħarraq fil-korruzzjoni u li għadu ma ħax id-deċizjonijiet ċari li messu ilu li ħa xahrejn.
Konrad Mizzi
Il-Ministru Konrad Mizzi ddefenda l-kritika qawwija li għaddejja fil-konfront tiegħu u qal li hu daħal fil-politika biex iwettaq bidliet u biex il-pajjiż jidħol f’aspetti ġodda. Qal li kien konvint ukoll minn roadmap dwar politika aktar nadifa u effiċjenti flimkien ma’ arja aktar nadifa, spazji miftuħa u żvilupp sostenibbli.
Hu qal li l-Oppożizzjoni mhi se ssib xejn kontrih għax m’hemm xejn. Qal li jemmen li l-ħiliet tiegħu setgħu jagħtu kontribut għall-viżjoni ta’ Joseph Muscat.
“Inħossni rrabjat ħafna li l-fokus ma kienx fuq il-ħidma tal-Gvern, iżda fuq il-Panama Papers. Jien iddikjarajt il-kumpaniji fil-Panama u t-Trust mal-ewwel opportunità li kelli. Mill-bidu tal-istorja dejjem kont konsistenti. It-Trust hi waħda familjari, b’objettivi familjari u ċari”, sostna l-Ministru Mizzi.
Konrad Mizzi qal li l-benfiċċjarji huma l-mara flimkien maż-żewġt itfal u għalhekk ma kellux intenzjonijiet ħżiena. Spjega li qabbad professjonisti biex jieħdu ħsieb l-operat. Filwaqt li rrimarka wkoll li l-ICIJ kienu ġusti, hu sejjaħ l-aħħar tmien ġimgħat bħala perjodu li fih għadda minn ġuri mill-media, b’attakki strambi mill-Awstralja f’ħin tard bil-lejl u fl-istess ħin ta’ dan id-dibattitu fil-Parlament.
Filwaqt li reġa’ ammetta li messu ħaseb aktar dwar il-Panama, għalkemm l-intenzjonijiet kienu tajbin, il-Ministru irrepeta li qagħad għal awditjar u li qal lill-Kummissarju tat-Taxxa biex jinvestigah totalment. Qabel ma tkellem dwar dak li wettaq bħala Ministru, hu appella biex kulħadd jistenna l-esodu tal-awditjar.
Claudette Buttigieg
Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li r-rabja tal-poplu kibret aktar wara d-diskors li għadu kemm għamel il-Ministru Konrad Mizzi. Fl-ebda mument ma esprima dispjaċir għal dak li għamel u d-dispjaċir li wera kien għax mhux jissemma’ x-xogħol tal-Gvern u mhux għax għamel dak li għamel u mhux talli gideb jew talli jkomplu l-attakki fuq il-ġurnalisti li qed jikxfu l-iskandli.
Claudette Buttigieg qalet li l-poplu jistenna mhux biss kritika mill-Oppożizzjoni, iżda wkoll x’lest jagħmel biex fil-pajjiż ikun hawn politika onesta tant mixtieqa. Il-Partit Nazzjonalista mhux juża’ l-iżbalji tal-passat bħala skuża għal dak li qed isir illum, iżda verament qed jagħmel proposti biex ikun hawn politika nadifa.
Id-Deputat Nazzjonalista rrimarkat il-fatt li wara d-diskors tiegħu, il-Ministru Mizzi ħareġ ‘il barra mill-Kamra tal-Parlament. Qalet li xtaqet tistaqsi lill-Ministru jekk hux minnu li matul il-Festi tal-Għid, il-Gvern trasferixxa l-artijiet ta’ madwar l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Claudette Buttigieg qalet li l-korruzzjoni tal-Gvern ġabet qasma anke fost id-Deputati Laburisti, filwaqt li appellat biex b’umiltà ma jiddejqux jesprimu l-vot tagħhom skont l-awtorità morali.
Franco Mercieca
Id-Deputat Laburista Franco Mercieca qal li anke jekk taf li l-vot fil-Parlament se jintilef, l-Oppożizzjoni xorta baqgħet għaddejja bil-Mozzjoni ta’ Sfiduċja fil-Gvern. Hu sostna li dan qed isir biss bl-iskop li ssir ħsara lill-pajjiż.
Helena Dalli
Il-Ministru Helena Dalli qalet li l-Gvern qed juri bil-fatti li hu l-Gvern tal-ugwaljanza.
Michael Farrugia
Il-Ministru Michael Farrugia wkoll tkellem dwar il-ħidma tal-Gvern u injora l-iskandlu tal-Panama Papers. Fost affarijiet oħra, sostna li l-Gvern ma daħħal l-ebda taxxi indiretti.
Leo Brincat
Il-Ministru Leo Brincat qal li l-Prim Ministru għaraf il-gravità tas-sitwazzjoni u wiegħed li jieħu passi malli jsiru magħrufa l-affarijiet. Qal li jemmen dak li qal il-Prim Ministru, jiġifieri li lest jagħti każ tas-sentiment tal-pubbliku u li se jaġixxi bil-ħsieb mhux fuq l-aspett ta’ dak li hu legali, iżda dak li hu sewwa.
Leo Brincat qal li jinsab konvint li l-Gvern lest jikkonvinċi dwar il-futur jekk jibqa’ jirrikonoxxi u jitgħallem mill-iżbalji tal-passat u tal-preżent. Hu qal li jsibha stramba li l-Oppożizzjoni trid li jitneħħa l-Prim Ministru meta għadu lanqas ħa deċiżjoni dwar il-każ.
Marlene Farrugia
Id-Deputat indipendenti Marlene Farrugia qalet li l-poplu qed jipprova jifhem għaliex qed issir din il-kontroversja kollha li neħħiet l-attenzjoni kollha minn fuq ix-xogħol tajjeb li jsir mill-Gvern u mis-soċjetà ċivili.
Dak li qed jitwettaq qed jintilef għaliex xi ħadd dehrlu li jista’ jidħol fil-PL, jaħtfu, jieħu l-poter u lin-nies jgħidilhom li milli għidna m’hemm xejn. Mhux hekk biss, iżda jagħtihom manifest elettorali sabiħ u sinċier iżda jinsab li dak il-manifest hu mibni fuq it-trasparenza, il-kontabbiltà u l-meritorazija, sostna Marlene Farrugia li kompliet li hawn min fil-Kabinett li ħaseb li jista’ jinganna nies iżda nesa li fil-Moviment Laburista hemm min ta saħħtu biex itella’ Gvern Laburista li jkun sinċier mal-poplu.
L-eks Deputata Laburista kompliet li l-pajjiż wasal f’estremità li minstru tal-gvern u Chief of Staff fetħu kumpanija fil-Panama meta kienu fil-kariga propju ftit jiem wara li ħadu l-kariga. Issa l-Prim Ministru se jiġi jgħid li m’hemmx korruzzjoni b’daqshekk! Irrimarkat li l-poplu qed jagħraf bejn it-tajjeb u l-ħażin billi jagħti ġurisdizzjoni spontanju.
Il-Panamagate għandha tkun ikkunsidrata fi sfond usa, anki sa qabel l-elezzjoni. Marlene Farrugia qalet li hi kienet Shadow Minister tal-enerġija iżda kienet tkun taf il-pjani minn xi kliem li jinħareġ. Qatt ma kienet parti mill-grupp magħqud ponn li kien qed jippjana l-enerġija.
Ikkritikat li sa minn qabel l-elezzjoni, dan il-grupp kien diġà ddeċieda. Kien qal lill-ħaddiema tal-Enemata li mhux se jipprivatizzaw l-Enemalta meta kien jaf li qed jigdeb lill-ħaddiema għax il-pjan kien diġà lest.
Hi kompliet li gidba oħra mill-PL kienet li l-ħaddiema kellhom jibqgħu moħħhom mistrieħ, li se jibqgħu hemm u li se jingħataw taħriġ biex jaħdmu f’postijiet tax-Shangai Electric. Ħafna ħaddiema tal-Enemalta, madwar 500, minn inġinerija spiċċaw imferrxin f’kunsilli jew ġabrithom il-President ta’ Malta. Dan filwaqt li l-Gvern biegħ l-Enemalta, ittieħdu l-pagi tal-ħaddiema fuq il-pajjiż u lill-ħaddiema ħadulhom id-dinjità tagħhom.
Marlene Farrugia kompliet li l-ħaddiema llum qed jiżbgħu l-ħadid. Dan hu tradiment tal-ħaddiema. Staqsiet fejn huma l-unions? Fejn hi l-GWU? Min kienu r-rappreżentanti tal-ħaddiema dak iż-żmien? X’sar minnhom? X’qed jagħmlu llum dawn ir-rappreżentanti? Saħqet li l-PL ġab lill-ħaddiem imbikkem u mwerwer.
Fakkret li tliet snin mil-leġiżlatura, l-ekonomija llum hi tajba ħafna kif ħallieha wkoll Gvern Nazzjonalista li ffaċċja kriżi finanzjarja iżda l-pajjiż rnexxielu jibqa’ fil-wiċċ. Il-Gvern Laburista li sab €1 biljun fondi mill-UE. Iżda rrimarkat li bħalissa s-servizzi finanzjarji qalgħu daqqa kbira għaliex ministru tal-gvern iddeċieda li ma jitfax il-fiduċja tiegħu f’Malta iżda jpoġġiha fil-Panama, li hi ġuriżdizzjoni xejn ta’ fiduċja.
Ikkritikat ukoll kif il-Ministru tefa’ dell ikrah anki lid-9,000 impjieg li nbnew fl-aħħar 20 sena ta’ ħidma. Kapriċċ ta’ xi ħadd li deherlu li kellu jpoġġi flusu fil-Panama, l-ewwel bil-bejgħ ta’ terz tal-Enemalta u wara ma żammx keltmu fuq il-power station li għadha ma saritx minkejja l-wegħdi.
Dwar ir-roħs tat-tariffi, Marlene Farrugia qalet li dan seħħ minħabba l-prezz internazzjonali taż-żejt li raħas b’żewġ terzi. Akkużat lil Konrad Mizzi li daħak bin-nies kif għamel fil-bejgħ tal-Enemalta, dwar il-qalba mill-HFO għall-gass u anki fil-power station. It-tariffi raħħashom biss b’25 fil-mija.
Marlene Farrugia qalet li l-gvern jistenna trasparenza assoluta speċjalment fil-kuntratti, li mhumiex isiru pubbliċi. Qed jinbiegħ ġid il-poplu u l-Gvern lanqas biss jindejna jagħti spjega. Il-Gvern spiċċa għamel garanzija lill-konsorzju privat, li mhux kumpanija tal-poplu li kellu jibni power station fi żmien sentejn iżda għadu m’għamel xejn.
Marlene Farrugia qalet li fejn tidħol il-privatizzajoni, il-ministru involut hu dejjem Konrad Mizzi, sostniet Marlene Farrugia, li appellat biex il-Gvern jippubblika l-kuntratti dwar is-saħħa biex il-ħaddiema jkunu jafu x’se jsir. Staqsiet li jekk il-Prim Ministru issa qed jgħid li se jippubblika l-kuntratti fl-aħħar tas-sena, għaliex ma setgħux ikunu pubblikati qabel? Semmiet il-proġett taż-Żonqor u kkritikat ukoll kif il-Gvern Laburista mexa u kiser ir-regolamenti biex ta l-art ODZ lill-iżvilippaturi barranin Ġordaniżi.
Marlene Farrugia semmiet ukoll kif il-banek internazzjonali rrifjutaw lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri iżda l-Gvern Malti u l-Prim Ministru qed iżommhom hemm. Fissret li l-korruzzjoni mhix biss il-Panamagate. Semmiet l-Arms Ltd u qalet li l-pożizzjonijiet li aspiraw għalihom il-ħaddiema ġusti qed jingħataw lil nies b’inqas kwalifiċi. Hi qalet li l-prekarjat ma nqatax u tat diversi eżempji dwar dan.
Marlene Farrugia kompliet li l-Panamgatee irriżultat wara l-laqgħat li Jopspeh Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri kellhom mal-President tal-Ażerbajġan. Staqsiet fejn kienu l-Malta Enrterprise u l-kbarat taċ-Ċivil f’dawn il-lqgħat? Kompliet li l-kontijiet fil-Panama huma biżżejjed biex il-Prim Ministru jinsisti għar-riżenja. La l-Prim Ministru m’għamilx hekk, allura wieħed jaħseb iktar fil-fond, sostniet Marlene Farrugia, li kompliet li hi tixteq li l-Gvern Laburista jitnaqqaf u jkompli jiggverna fuq il-meritokrazija, it-trasparenza u l-kontabbiltà.
Id-Deputat indipendenti qalet li se tressaq vot ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi bl-Ispeaker jinformaha li din il-mozzjoni ta’ Marlene Farrugia trid titressaq skont il-proċeduri parlamentari.
Chris Cardona
Il-Ministru Chris Cardona beda l-intervent tiegħu billi akkuża lill-Kap tal-Oppożizzjoni li ftit tal-ġimgħat ilu pprova jneħħi lill-Viċi Kapijiet Mario de Marco u Beppe Fenech Adami.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni talab li jitkellem u Chris Cardona ta l-permess. Iżda filwaqt li ta l-permess lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jitkellem, Chris Cardona nstema’ jgħid “Ħallieh ħa jitkellem. Mhux ċuċati …”. Għal dan il-kumment, hu ssikket mid-Deputat Speaker.
U bi tweġiba, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dak li qal il-Ministru Chris Cardona hu kollu gideb. Fl-intervent tiegħu, Chris Cardona qal li l-fiduċja fil-Gvern jikkonfermawha l-investituri, li f’dawn it-tliet snin investew fil-pajjiż.
Joseph Muscat
Il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza tal-immigrazzjoni u talab lill-Parlament iżomm minuta silenzju b’turija ta’ solidarjetà mal-vitttmi.
Joseph Muscat qal li l-Oppożizzjoni tatu l-isbaħ opportunità biex jitkellem dwar il-kisbiet tal-Gvern u qal li l-Oppożizzjoni ma ressqet l-ebda proposta politika. Tkellem dwar il-miżuri li daħħal il-Gvern fosthom dwar il-mediċini, il-pensjonijiet u ċ-child care.
Muscat sostna li l-Gvern ippubblika l-ftehim mal-karrozzi tal-linja u sa tmiem is-sena l-Gvern se jippubblika l-kuntratti kollha fis-setturi ewlenin għaliex dan hu gvern li ma jibżax mit-trasparenza għalkemm wettaq l-iżbalji.
Filwaqt li kkritika lill-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru qal li fil-Panama ma sar xejn illegali, iżda ma sarx sew. Ammetta li l-Gvern irid ikun ta’ eżempju. Qal li se jieħu l-ispjega ta’ Konrad Mizzi iżda n-nies qed jistennew aħjar.
L-affarijiet iridu jsiru mhux biss legalment iżda korrettament, sostna l-Prim Ministru, li kompla li l-Gvern jaċċetta l-iskrutinju.
Edward Scicluna
Il-Ministru Edward Scicluna qal li l-awtoritajiet monetarji dinjija jirrikonoxxu li Malta qed ikollha l-ogħla tkabbir ekonomiku fid-dinja. Sostna li l-Oppożizzjoni għandha tifhem l-importanza tal-istabbiltà, filwaqt li staqsa għaliex l-Oppożizzjoni qed tistieden lill-Membri tal-Gvern biex jivvutaw kontra t-tajjeb li qed isir.
Fil-każ ta’ ġurisdizzjonijiet li jżommu informazzjoni mistura, Edward Scicluna qal li m’għandhiex tintuża’ politika ta’ tisbit tas-saqajn, iżda politika ta’ ftehim.
Manwel Mallia
Id-Deputat Laburista Manwel Mallia qal li kellu jaqra l-intervent tiegħu minħabba li se jkollu ħin anqas minn dawk ta’ qablu. Sostna li fil-politika, allegazzjoni kontra persuna tibqa’ tiġi ripetuta sakemm tibda titwemmen.
Mallia sostna li atteġġjament bħal dan jaħdem kontra min hu fil-politika u jnaffar lil min jibda juri interess li jidħol fil-politika biex jagħti servizz.
Anton Refalo
Il-Ministru Anton Refalo akkuża lill-Oppożizzjoni b’kilba għall-poter u b’politika li tipprova tkisser minflok turi li tista’ tkun Gvern Alternattiv.
Louis Grech
Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech qal li l-Oppożizzjoni naqset milli tressaq prova dwar il-periklu għall-ekonomija kif qed issostni fil-Mozzjoni ta’ Sfiduċja. Sostna li l-Gvern se jagħti każ il-kummenti tan-nies u mhux se jaqa’ fin-nassa tal-arroganza.
Louis Grech qal ukoll li fil-kwistjoni tal-każ tal-Panama mhix għażla li ma titteħidx deċiżjoni, tant li l-Gvern se jkompli jaħdem biex jassigura l-etika u l-imġieba tal-politiċi.
Mario de Marco
Il-Viċi Kap tal-PN, Mario de Marco, qal li assistejna għal dibattitu fil-Parlament fuq il-ħidma tal-Gvern iżda ftit tkellmu dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja. Filwaqt li sejjaħ id-diskors tad-Deputat Laburista Manwel Mallia bħala diskors mill-qalb dwar għaliex jidħol fil-politka, l-Oppożizzjoni tingħaqad ukoll mal-kliem tad-Deputat Prim Ministru meta qal li l-poplu jrid stil ta’ politika differenti għaliex il-poplu kien qed jippretendi stil ta’ politika favur trasparenza u governanza tajba.
Dwar il-ftaħir tal-membri tal-Gvern dwar dak li wettqu fit-tliet snin tal-Gvern, Mario de Marco qal li filwaqt li hu minnu li jista’ jkollna pajjiż li sejjer tajjeb ekonomikanent, bl-aktar drittijiet ċivili fl-Ewropa, u bl-aqwa servizzi tal-edukazzjoni u tas-saħħa, il-mistoqsija tibqa’ x’jiswa dan kollu jekk ikollna politika ta’ ħabi, Gvern li ma jippubblika ebda kuntratt, Gvern li mhux qed jippromwovi l-kontabbiltà u qed jipproteġi nies b’akkużi serjissimi.
L-aktar akkuża serja fil-konfront tal-Gvern u li qed taffettwa lill-pajjiż, hi l-kwisjtoni ta’ nuqqas ta’ governanza.
Filwaqt li rrifera għad-diskors tal-Prim Ministru li tkellem fuq kollox u fuq kulħadd iżda mhux fuq l-iskandlu tal-Panama Papers, Mario de Marco spjega li l-Oppożizzjoni ressqet dibattitu biex niddiksutu fuq dak li qed jaffettwa mhux ir-reputazzjoni ta’ Konrad Mizzi, Keith Schembri u tal-Prim Ministru u tal-kabinett, iżda tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna li fuqha jiddependi l-għajxien tal-poplu kollu.
Spjega li l-mozzjoni ta’ sfiduċja saret għal raġunijiet nazzjonali għaliex ir-rabja, l-inkwiet u l-appelli li hemm barra ġejjin minn kull sfera tas-soċjetà. Saħaq li pajjiżna ma jistax jarmi r-reputazzjoni biex inżommu lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri f l-impjieg tagħhom u nżommu f’riskju l-ekonomija u l-impjiegi tal-ħaddiema tal-poplu Malti kollu.
Irrimarka li Muscat evita li jwieġeb il-mistoqsija dwar x’raġuni Ministru jista’ jkollu biex jiftaħ trust fi New Zealand u kumpanija fil-Panama. Wara li għadda aktar minn sena minn meta kkostitwixxa din it-trust fi New Zealand, il-mistoqsija tqum għaliex sal-lum m’għaddiex il-proprjetà f”Malta u f’Londra kif qal li kien se jagħmel, u x’qed iżommu milli jagħmel dan.
Fisser li l-uniku ħerqa li kellu biex jgħaddi fit-trust ta’ New Zealand, kienu l-isħma fil-kumpanija li hu ħoloq fil-Panama. Filwaqt li pprova jagħti spjegazzjoni għat-trust fi New Zealand, dwar il-kumpanija fil-Panama l-Ministru Konrad Mizzi ma tax spjegazzjoni waħda.
Semma li l-uniku spjegazzjoni hi tal-awdituri u ta’ Mosack Fonseca li ppruvaw jiftħu disa’ kontijiet f’pajjiżi differenti li ma kinux f’bank f’Malta iżda fil-Panama jew f’xi pajjiż ieħor fil-Karibew, jew f’Dubaj li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-ħajja ta’ Konrad Mizzi f’Malta. Dan sar għas-senserija, jew għall-management consultancy, jew għall-flus mill-kumpaniji ta’ riċiklaġġ jew minn kumpaniji f’igaming.
Il-Viċi Kap tal-PN staqsa wkoll għaliex ħass il-bżonn li jagħmel l-istess iċ-Chief of Staff Keith Schembri. Sal-lum m’hemm ebda risposta dwar dan. Spjega li fil-Parlament qed nitkellmu fil-kamp politiku mhux dak legali, u hu għalhekk qed nitkellmu fuq responsabbilta politika u jekk hux aċċettabbli politikament li Ministru u Chief of Staff jinqabdu b’kontijiet u kumpaniji sigrieti wara li daħlu fil-Gvern.
Dawn il-mistoqsijiet u l-argumenti mhux qed tgħidhom biss il-media, il-PN u s-soċjetà ċivili, iżda wkoll il-kollegi tal-istess Ministri fil-Kabinett tal-Gvern ta’ Muscat, fosthom il-Ministru Scicluna li appella lill-Prim Ministru jieħu d-deċiżjonijiet iebsa iżda bżonjużi fl-interess nazzjonali. L-eks-Prim Ministru Laburista Alfred Sant ukoll appella għar-riżenja fl-interess nazzjonali.
Il-Ministru Bartolo wkoll qal li hu kien jirriżenju kieku għamel l-affarijiet li għamel Konrad Mizzi. Membri oħra tal-Gvern ukoll qed iħossuhom skomdi b’dak li għamlu Konrad Mizzi u Keith Schembri. Dan għax in-nies qed jitkellmu mhux fuq dak li wettaq il-Gvern fl-aħħar tliet snin iżda fuq l-iskandlu tal-Panama.
Mario de Marco kkritika lil Muscat li f’dawn it-tmien ġimgħat għażel li jħares mhux lill-pajjiżna iżda l-ġid ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Sejjaħ dan bħala mhux aċċettabbli għall-Oppożizzjoni. Quddiem ir-realtà li l-Ministru Konrad Mizzi ma riedx jaċċetta r-responsabbiltà, u lanqas Keith Schembri u l-Prim Ministru, l-Oppożizzjoni ma kellhiex triq oħra biex tħeġġeġ lill-Gvern jieħu azzjoni b’mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern.
Il-Viċi Kap tal-PN qal li s’issa rajna Prim Ministru jistaħba wara l-famuża audit mingħajr ma qal min qed jagħmel dan l-eżerċizzju u meta se jitlesta. Fisser li l-issue mhix x’se jirriżulta mill-audit li hu irrelevanti għar-responsabbiltà politika. Il-kwistjoni hi għaliex Ministru tal-Gvern jagħmel kumpanija fil-Panama.
Irrimarka li l-Oppożizzjoni għandha dmir u responsabbiltà fil-Parlament u barra l-Parlament, li bħala rappreżentanti tal-poplu tikkritika kull żball tal-Gvern għax jekk ma tagħmilx hekk tkun qed tonqos mir-responsabbiltà tagħha.
Mario de Marco saħaq li flok mal-Prim Ministru ħa azzjoni kontra min qed iħammeġ lill-pajjiżna fl-akbar skandlu internazzjonali, attakka nies b’mod individwali għal xejn b’xejn, b’attakki kontra l-Kap tal-Oppożizizzoni, Ann Fenech, Beppe Fenech Adami, Jason Azzopardi, Chris Said u fil-konfront ukoll tiegħu.
Mario de Marco ddikjara li hu dejjem ħallas kull kont u dejjem insista li jħallas lil kulħadd, m’għandu bżonn pjaċiri mingħand ħadd u r-responsabbiltajiet tiegħu dejjem żammhom u ħadd mhu se jħammarlu wiċċu. Ikkritika wkoll kif uffiċjali tal-UĦM ġew attakkati, bħalma kien attakkat ukoll l-Imħallef Govanni Bonello għax attendew dimostrazzjoni nazzjonali kontra l-korruzzjoni. Ikkritika lill-Gvern li mhux qed jaċċetta min qed jipprotesta kontra l-aġir tal-Gvern u tal-Prim Ministru.
Appella biex ngħixu f’pajjiż normali u mhux in-normalità li jrid il-Gvern li għalih hu normali li Ministru jiftaħ kumpanija fil-Panama. Spjega li dak kollu li nwettqu fil-politika, minkejja d-daqqiet li tagħti l-politka, inwettquh għax irridu naraw lill-pajjiżna aħjar. “Qegħdin fil-politika biex naraw lill-pajjiżna aħjar minkejja l-ideoloġiji differenti. Irridu naraw lill-pajjiżna jkun aħjar u għal dan irridu nkomplu ngħożżu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna u ma nħallu lil ħadd iqiegħed f’riskju r-reputazzjoni ta’ pajjiżna għal raġunijiet egoistiċi”.
Godfrey Farrugia
Godfrey Farrugia qal li ddeċieda li jikkontesta l-elezzjoni tal-2013 għax ma riedx jibqa’ jara tlajjar, bl-għażla tal-poplu kienet favur Manifest Elettorali li qed jissarraf biex jikseb suċċessi.
Filwaqt li l-Gvern irid ikompli jaħdem għal governanza aħjar, l-Oppożizzjoni trid taħdem biex tkun Gvern Alternattiv. Hu qal li Malta qed tieħu nifs ġdid u għandha bżonn il-Gvern preżenti.
Edward Zammit Lewis
Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li ma jistax jivvota favur il-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni meta saru suċċessi kbar fit-turiżmu, fl-ekonomija u fid-drittijiet ċivili.
Hu qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni għadu mhux lest li jiggverna l-pajjiż għax għadu jrid juri li lest jaġixxi mhux jitkellem biss.
Simon Busuttil
Il-vot fil-Parlament fil-Mozzjoni ta’ Sfiduċja fil-Gvern dwar il-korruzzjoni kien wieħed ta’ għażla. Hekk iddikjara l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil meta kien qed jagħlaq id-dibattitu fil-Mozzjoni ta’ Sfiduċja fil-Gvern dwar il-korruzzjoni, fl-isfond tal-iskandlu tal-Panama.
Kien dibattitu li fih l-Oppożizzjoni esprimiet il-vuċi tal-poplu, mhux biss għall-iskandlu tal-Panama, iżda wkoll għal dak tal-Australia Hall, tal-Cafe’ Premier, ta’ Gaffarena taż-Żonqor. Id-dellijiet fl-operat tal-Prim Ministru, tal-Ministru Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri huma sinifikanti.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni għabba lill-Prim Ministru bir-responsabbiltà għax il-kuntratti u l-manuvri bdew minn qabel l-elezzjoni, bl-involviment ta’ Keith Schembri, filwaqt li qabel l-elezzjoni, Konrad Mizzi kien jitkellem differenti.
Kuntrarjament għal dak li sar f’pajjiżi barranin, anke pajjiżi b’reputazjzoni ta’ korruzzjoni, il-Pulizija f’Malta ma nvestigatx. Simon Busuttil sostna li anke jekk fil-Parlament, il-Gvern għandu l-maġġoranza tan-numri, fir-realtà l-maġġoranza tal-poplu taf li l-Oppożizzjoni hi fuq in-naħa tas-sewwwa u tal-verità.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-problema ġejja minn fuq, b’Konrad Mizzi li għandu l-aktar portafoll importanti (aktar minn Joseph Muscat) u minn Keith Schembri li hu l-Prim Ministru wara l-Prim Ministru.
//= $special ?>

