Il-Ministru Konrad Mizzi tfaċċa fil-Kamra tad-Deputati wara sitt sigħat ta’ dibattitu dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern ta’ Muscat wara li l-Prim Ministru Muscat għadu ma ħa ebda deċiżjoni u ħalla fil-Kabinett tiegħu lill-Ministru Konrad Mizzi u lill-Kap tal-Uffiċċju tiegħu f’Kastilja minkejja li nqabdu b’kontijiet u kumpanijii sigrieti fil-Panama u fi New Zealand.
Id-dibattitu beda dalgħodu fid-9am. Il-Ministru Mizzi daħal fil-Parlament għall-ħabtra tat-3pm u reġa’ ħareġ mill-Kamra u mid-dibattitu ftit wara – f’anqas minn nofs siegħa.
Il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern tressqet mill-Oppożizzjoni wara li għal tmien ġimgħat sħaħ il-Prim Ministru ħalla lill-Ministru Konrad Mizzi fil-Kabinett tiegħu, u lil Keith Schembri ħallih imexxi l-Uffiċċju tiegħu f’Kastilja.t
Il-membri tal-Oppożizzjoni fid-dibattitu qegħdin isejħu lill-Prim Ministru jneħħi minn Kastilja lill-Ministru Konrad Mizzi u lil Keith Schembri, u jfakkru fl-iskandli wieħed wara ieħor u wieħed akbar minn ieħor li rajna fit-tliet snin tal-Gvern ta’ Muscat.
Il-membri tal-Gvern qed jitkellmu fil-maġġoranza kbira tagħhom mhux fuq il-mozzjoni ta’ sfiduċja u dwar l-iskandlu li laqat lill-Gvern bil-Ministru Konrad Mizzi jissemma fil-lista ta’ politiċi b’kontijiet sigrieti u moħbija, iżda fuq dak li wettaq s’issa l-Gvern Laburista u jiddefendu lill-Ministru Konrad Mizzi.
Mal-ftaħir li qed isir mill-membri tal-Gvern fuq dak li wettaq il-Gvern, madanakollu kien hemm battuti li fihom il-Ministru Owen Bonnici ammetta li fuq il-kwistjoni tal-Panama, il-Gvern iddiżappunta n-nies.
Il-Ministru George Vella, li l-media żvelat li kien fost dawk li internament tkellem favur ir-riżenja ta’ Konrad Mizzi mill-Kabinett, qal li seta’ kien hemm aktar korrettezza fl-aġir ta’ ċertu persuni iżda s’issa ma jistax ikun hemm fatti ta’ korruzzjoni. Iddikjara wkoll li jekk kien hemm korruzzjoni, din għad trid tkun ippruvata.
Il-Ministru Joe Mizzi tkellem fuq it-trasport pubbliku u rrimarka li fit-trasport pubbliku m’hemmx korruzzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Josè Herrera ddikjara darbtejn li żbalji saru u ġew rikonoxxuti. Qabbel is-sitwazzjoni tal-lum fil-Parlament mas-sitwazzjoni tas-sebgħinijiet u t-tmeninijiet, u qal li fit-tmeninijiet kien hemm raġuni ta’ qafas legali meta kienet qed tiġi kkontestata l-leġititmita tal-Gvern Laburista, iżda llum le.
Id-dibattitu jagħlaq illejla fl-10pm bil-vot fuq il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni u l-vot fuq l-emenda li ressaq il-Gvern għall-mozzjoni ta’ sfiduċja li ressaq il-Ministru fil-bidu tad-dibattitu.
//= $special ?>