Lokali

PANAMA PAPERS: Kastilja u l-Pulizija jibqgħu totalment siekta

Domandi mibgħuta minn Net News lill-Kummissarju Michael Cassar u domandi tat-Times mibgħuta lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar l-aħħar dettalji li ħarġu fl-iskandlu Panama Papers baqgħu mhux imwieġba u injorati totalment kemm minn naħa ta’ Kastilja kif ukoll minn naħa tad-Depot.

Sa issa kulħadd għadu fil-limbu dwar jekk il-Pulizija fetħitx investigazzjoni fuq l-iskandlu tal-Panama. Ma nafux lanqas jekk sarux tfittxijiet fl-uffiċċji u l-kompjuters ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. Net News saqsa ukoll jekk hux qed isiru investigazzjonijiet fuq Nexia BT li huma involuti fil-Panama Papers, iżda l-mistoqsijiet tagħna baqgħu mhux imwieġba.

Fl-istess waqt, il-ġurnal Times of Malta saqsa lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru min se jkun qed jagħmel is-sippost audit li se jsir fuq il-kumpanija sigrieta ta’ Konrad Mizzi fil-Panama. Iżda l-isem ta’ min se jagħmel dan l-audit baqa’ miżmum mistur.

It-Times saqsiet lil Kastilja min għażel din il-kumpanija tal-awditjar, meta beda l-audit, meta mistenni jkun konkluż u jekk dan hux se jkun audit forensiku. Anke dawn il-mistoqsijiet baqgħu injorati mill-Uffiċċju ta’ Joseph Muscat.