Lokali Parlament

Pożizzjonijiet differenti fil-Gvern ukoll b’rabta mar-reat tal-vilipendju

Il-pożizzjonijiet differenti li rajna fil-Parlament il-ġimgħa li għaddiet fil-Grupp Parlamentari tal-Gvern Laburista, u l-battibekki bejn Deputati tal-Gvern u Ministri ta’ Muscat, kellhom il-marka wkoll tagħhom fid-dibattitu dwar id-deċiżjoni li jitneħħa r-reat tal-vilipendju, bis-Segretarju Parlamentari Josè Herrera jiddikjara saħanistra li se jkun qed iressaq emendi għall-Abbozz ta’ Liġi li ppreżenta sieħbu l-Ministru Owen Bonnici.

Fil-klima politika fil-pajjiż u fl-atmosfera tqila wkoll u ta’ tensjoni fix-xogħol tal-Gvern fil-Parlament quddiem l-iskandlu tal-Panama Papers, il-Gvern għażel fl-aħħar seduta tal-ġimgħa l-oħra, li jkompli jiddibatti l-Abbozz ta’ Liġi li bih il-Gvern irid ineħħi r-reat ta’ vilipendju – ir-reat ta’ tkasbir u żebliħ insolenti tar-reliġjon, hi liema hi dik ir-reliġjon.

L-Oppożizzjoni qed tfisser fil-Parlament li din hi deċiżjoni mill-Gvern li se tkun qed tistieden l-għawġ jekk tidħol fis-seħħ. L-Oppożizzjoni taqbel mal-parti tal-Abbozz li tqis ir-revenge porn bħala delitt, u ma’ artikli oħra fl-Abbozz dwar reati marbuta ma’ pornografija. Mhix taqbel iżda dwar il-proposta tat-tneħħija tad-delitt tal-vilipendju.

Wara li fil-ġimgħat li għaddew meta kien beda jkun diskuss dan l-Abbozz ta’ Liġi, f’isem il-Gvern il-Ministru Owen Bonnici kien ressaq dan l-Abbozz ta’ Lġi b’ħafna pompa u bi kliem li wassal messaġġ ta’ xi bravura oħra ta’ dan il-Gvern ta’ Muscat, kien hemm diversi reazzjonijiet miż-żewġ naħat tal-Kamra għal dak li jrid iwettaq il-Gvern.

Min-naħa tal-Gvern, diġà tkellmu b’mod ċar l-eks-Ministru Manuel Malli, il-Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia, il-Ministru Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari Josè Herrera li lkoll tkellmu fuq l-importanza li nkunu nafu x’qegħdin nilleġiżlaw bil-mod u bil-kliem użat fl-Abbozz ta’ Liġi kif ippreżentat mill-Ministru Owen Bonnici.

Għad-diversi kritika li saret s’issa f’dan id-dibatitu, il-Ministru Bonnici filwaqt li jgħid li hu miftuħ għal kull ideat oħrajn, qiegħed jibqa’ jiddefendi dak li jrid iwettaq il-Gvern u l-mod kif inhu miktub l-Abbozz ta’ Liġi – it-tneħħija tar-reat tal-vilipendju.

Gvern u Oppożizzjoni qegħdin fuq l-istess linja ta’ ħsieb li r-reat ta’ vilipendju m’għandux japplika għall-qasam tal-arti u l-kultura. Min-naħa l-oħra, kemm l-Oppożizzjoni, fejn diġà tkellmu x-Shadow Minister Jason Azzopardi, ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg u d-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici; kif ukoll membri tal-Gvern qed jappellaw lill-Ministru Bonnici biex noqogħdu attenti kif se nkunu qed nilleġiżlaw dan il-ħsieb anke fid-dawl tal-attakki terroristiċi li seħħew f’Pariġi lejn tmiem is-sena li għaddiet, u aktar riċenti fl-ajruport ta’ Brussell.

Is-Segretarju Parlamentari Josè Herrera tant kien speċifiku dwar kif il-Gvern għandu jittratta suġġetti jaħarqu bħalma hu dak marbut mar-reliġjonijiet, li saħansitra ddikjara li diġà talab lill-Whip tal-Gvern biex ikun bħala membru fuq il-Kumitat Parlamentari li se jiddiskuti u janalizza dan l-Abbozz ta’ Liġi fi stadju ta’ Kumitat. Iddikjara wkoll li bħala membru parlamentari se jkun qed iressaq hu emendi għal dak li qed jipproponi l-Ministru Owen Bonnici.

L-eks-Ministru Laburista Manuel Mallia, diġà kkritika l-Abbozz ta’ Liġi li ressaq il-Ministru Owen Bonnici, u kien saħaq li t-tfassil tal-emendi għall-Kodiċi Kriminali mhux dejjem hu feliċi.

Kien ikkritika wkoll li meta temenda l-Kodiċi Kriminali bil-biċċiet, tkun qed tingħata l-impressjoni ta’ management by crises.
L-Oppożizzjoni temmen li m’għandux jitneħħa r-reat tal-vilipendju minħabba raġunijiet ta’ tolleranza, rispett u ordni pubblika. Iddikjarat ukoll li se tkun qed tressaq emendi għal dak li qed jipproponi l-Gvern li ddeskrivietu bħala illoġiku u b’effetti ħżiena li jbatihom dak li l-aktar hu dgħajjef.

Kemm is-Segretarju Parlamentari Josè Herrera u x-Shadow Minister Claudette Buttigieg ukoll irriferew għal-liġi tal-Awstralja fejn tittratta dan is-suġġett tant delikat u sensittiv b’mod tajjeb. Is-Segretarju Parlamentari qal li l-eżempju tal-Awstralja għandu jsolvi n-nuqqas ta’ qbil fil-Parlament biex ma jitneħħix ir-reat tal-vilipendju.

L-appelli lill-Gvern huma ċari – biex nagħmlu distinzjoni bejn vilikazzjoni artistika u dak li mhux. Pajjiżi oħrajn meqjusa bħala liberali, bħala huma l-Olanda u d-Danimarka, ukoll żammu bħala reat il-vilifikazzjoni – il-mibegħda li toħloq tensjoni lejn persuni għal raġuniijiet ta’ twemmin jew reliġjon.

Il-ġimgħa li għaddiet ukoll fil-Parlament, rajna aktar nuqqas ta’ qbil fil-Grupp tal-Gvern, bid-Deputat Laburista Charles Mangion jikkritika u jwissi lill-Ministru Evarist Bartolo fuq dikjarazzjoni li għamel fuq iċ-Chairman tal-MFSA; u lid-Deputat Laburista Franco Mercieca jċanfar lill-Ministru Chris Cardona għal-lingwaġġ li uża meta qal li “jekk politikament se ttuna bis-sejf, ħa ntukom bil-mannara”.