Lokali

Sejba ta’ kollezzjoni illegali ta’ għasafar ibbalzmati

Voluntieri tal-Committee Against Bird Slaughter (CABS) sabu fdalijiet nofshom maħruqa ta’ għasafar li jidher li kienu jiffurmaw parti minn kollezzjoni ta’ tajr ibbalzmat.
Is-sejba – deskritta mill-CABS stess bħala makabra – saret it-Tnejn filgħodu viċin il-Kappella ta’ Santa Margerita, fil-limiti ta’ Burmarrad.
Fost l-għasafar ibbalzmati misjuba hemm uħud li huma speċi protetti u oħrajn li tista’ ssir kaċċa fuqhom. Fost it-tajr misjub kien hemm Bagħdan Aħmar (Marsh Harrier), tliet Spanjuletti (Kestrels), Qerd in-Naħal (Bee-Eater), Tellerita (Stone Curlew) u Russett (Heron) li kollha ma tistax issir kaċċa fuqhom.
Instabu wkoll Bekkaċċ (Snipe), Kuluvert (Mullard), Gamiema (Turtle Dove), Tudun (Wood Pigeon), Ġojjin (Linnet) u Ċawl (Crows).
Il-CABS qalet li din is-sejba mill-ewwel kienet rrapurtata lit-Taqsima tal-Administrative Law Enforcement (ALE) tal-Korp tal-Pulizija li ġabret l-evidenza u bdiet investigazzjoni.
Fl-istqarrija tiegħu l-Kumitat qal li bil-liġi, kollezzjonijiet ta’ għasafar ibbalzmati jridu jkunu rreġistrati mal-awtoritajiet.
“Fil-passat kien hemm ċirkostanzi fejn kollezzjonijiet bħal dawn ġew mormija biex il-kaċċaturi jkunu jistgħu jbiddlu l-għasafar b’oħrajn bħalhom li jkunu għadu kif inqatlu.
Probabbilment, is-sejba tat-Tnejn filgħodu kienet każ minn dawn,” temmet tgħid l-istqarrija.