It-Tieni Kamra tal-Parlament Brażiljan ivvutat biex jibdew il-proċeduri għat-tkeċċija ta’ Dilma Rousseff mill-kariga ta’ President, proċedura magħrufa bħala impeachment.
Dan wara li kienet akkużata li mmanipulat iċ-ċifri tal-Gvern biex ikollha vantaġġ fl-elezzjoni li ratha tkun konfermata fil-poter fl-2014.
Biex jinbdew il-proċeduri kontriha, kien hemm bżonn maġġoranza ta’ żewġ terzi u dan intrebaħ faċilment wara sessjoni twila fil-Parlament fejn daru kontra l-Partit tal-Ħaddiema li tmexxi eksalleati fil-koalizzjoni tal-Gvern.
Issa l-mozzjoni se titressaq quddiem is-Senat, li hu mistenni li jissospendi lil Rousseff f’Mejju sakemm isir proċess formali.
Il-Partit tal-Ħaddiema min-naħa tiegħu wiegħed li kien se jiġġieled kemm fis-Senat kif ukoll fit-toroq biex jiddefendi lil Rousseff, b’din tal-aħħar tiċħad li għamlet xi ħaġa ħażina.
Quddiem il-Kungress fejn kien qed isir id-dibattitu u l-vot kien hemm miġbura mal-25,000 – dawk favur u kontra Rousseff fost sigurtà kbira fosthom reċint għoli żewġ metri u twil kilometru li ssepara ż-żewġ naħat.
Jekk Rousseff titneħħa mill-kariga, minflok għal perjodu temporanju jilħaq il-Viċi President Michel Temer.
Imma hawn jibdew il-problemi oħra peress li anki dan qed iħabbat wiċċu ma’ proċeduri ta’ impeachment għall-istess akkużi li tressqu kontra Rousseff.
Jekk ma jkunx Temer, il-Kostituzzjoni titlob li jkun l-Ispeaker tat-Tieni Kamra tal-Parlament, Eduardo Cunha, imma anki dan qed ikun investigat minħabba korruzzjoni u mbagħad hemm il-kap tas-Senat Renan Calheiros imma dan ukoll qed ikun investigat minħabba korruzzjoni.
Dawn it-tlieta tal-aħħar ġejjin mill-PMDB, l-ikbar partit fil-kaolizzjoni tal-Gvern imma f’dawn l-aħħar ġimgħat neħħa l-appoġġ għal Rousseff.
Jibda l-proċess ta’ tneħħija ta’ Rousseff minn President
