Lokali

Zammit Lewis jgħid li ma kienx jaf bil-kumpanija sigrieta ta’ Keith Schembri minkejja li “ħabib” u siefer miegħu “aktar minn darba”

Il-Ministru Edward Zammit Lewis iddikkajra li hu “ħabib” taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, u kkonferma li kemm-il darba siefer miegħu fuq divertiment.

Iżda filwaqt li kkonferma dan kollu, il-Ministru Zammit Lewis ċaħad li kien jaf bil-kumpanija sigrieta li fetaħ fil-Panama.
Mistoqsi minn NETnews.com.mt, il-Ministru Zammit Lewis qal li ma kienx jaf bl-istrutturi finanzjarji li Keith Schembri fetaħ bil-moħbi barra mill-pajjiż.

Kemm Keith Schembri kif ukoll il-Ministru Konrad Mizzi nqabdu li ghandhom trusts fi New Zealand, kumpaniji sigrieti fil-Panama u li pprovaw jifthu kontijiet f’madwar 9 banek barranin.

Edward Zammit Lewis għadda dawn il-kummenti waqt Konferenza tal-Aħbarijiet fil-bini tal-Parlament. Hu kien akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri.

Mindu faqqa’ l-iskandlu tal-Panama madwar 7 ġimgħat ilu, kemm Edward Zammit Lewis kif ukoll Deborah Schembri kienu minn ta’ quddiem biex jiddefendu lil Konrad Mizzi, lil Keith Schembri u lill-Prim Ministru Joseph Muscat f’dan li qed deskritt bħala l-akbar skandlu politiku f’pajjiżna.

Bħalissa, fil-Parlament, qed tkun diskussa mozzjoni ta’ sfiduċja li l-Oppożizzjoni ressqet kontra l-Gvern ta’ Joseph Muscat.

Agħfas hawn biex issegwi d-dibattut li għaddej fil-Parlament b’mod LIVE.

Agħfas hawn għal aġġornamenti u filmati tal-kelliema li tkellmu s’issa.