Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qiegħed ‘jorbot’ splużjoni ta’ bomba li qerdet xarabank f’Ġerusalemm bħala ‘parti mill-vjolenza li l-Palestinjani qegħdin iwettqu fit-toroq ‘ u li ilha għaddejja għal sitt xhur. L-isplużjoni, fil-lejl tat-Tnejn, wasslet ukoll biex xarabank ieħor jieħu n-nar, bl-awtoritajiet jikkonfermaw talanqas 16 midruba fl-attakk.
Ħadd ma assuma responsabbiltà għall-istraġi, bl-ebda grupp Palestinjan ma jitkellem dwar il-każ. L-uffiċjali Iżraeljani lanqas ma ħarġu b’akkużi diretti kontra xi entità jew oħra.
L-attakki suwiċida fuq karozzi tal-linja tal-Iżraeljani kienu karatteristiska komuni tar-rewwixta ( Intifada) tal-Palestinjani bejn l-2000 u l-2005. Intant, dawn l-attakki, illum, saru xi ħaġa pjuttost rari, għalkemm il-Palestinjani ilhom minn Ottubru jwettqu aggressjoni fuq l-Iżraeljani fejn qegħdin jispikkaw attakki għall-għarrieda fuq individwi – l-aktar minn persuni armati bis-skieken.
Iżrael ilu lest għal eskalazzjoni ta’ vjolenza u issa, il-Prim Ministru Netanyahu — b’referenza għall-aħħar attakk fuq ix-xarabank — qal li ‘pajjiżu se jagħmel il-kontijiet mat-terroristi’ . Hu kompla li l-Iżraeljani jinsabu f’taqbida twila kontra t-terrur ‘fejn qed jikkonfrontaw avversarji armati bi skieken, armi tan-nar u vetturi mimlijin bi splussivi’.
Il-Pulizija li marru fuq il-post tal-isplużjoni tat-Tnejn f’Ġerusalemm, għall-bidu, ħasbu li l-qerda ‘taż-żewġ xarabanks’ kienet dovuta għal xi difett tekniku. Iżda wara l-investigazzjoni, il-pulizija waslu għall-konklużjoni li xi ħadd kien qiegħed tagħmir splussiv fuq il-parti ta’ wara ta’ waħda mill-karozzi tal-linja.
L-isplużjoni sussegwenti, imbagħad, seħħet fi triq ġo zona lejn il-Lbiċ tal-belt, qrib il-fruntiera tax-Xatt tal-Punent.
//= $special ?>