Lokali

Attentat ta’ serqa f’Birkirkara

Il-Pulizija qed tinvestiga attentat ta’ serqa f’ħanut fi Triq Psaila f’Birkirkara. Għall-ħabta tat-2.45pm, ħalliel b’wiċċu mgħammad b’borża tal-plastik sewda daħal fl-istabbiliment Chicco wara li żgassa l-bieb tal-ħġieġ fil-ħin li l-ħanut kien magħluq.

Minkejja li l-istabbiliment kien magħluq, kien hemm xi impjegati qed jagħmlu xi xogħol f’parti oħra tal-binja, li meta semgħu t-tħaxwix telgħu biex jaraw x’qed jiġri u ħadu qatgħa kbira meta ġew wiċċ imb’wiċċ mal-ħalliel, li ħarab jiġri mill-post.

L-impjegati ħarġu jiġru ‘l barra jsejħu għall-għajnuna u fil-post issejħet mill-ewwel il-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit (RIU), li bdew immedjatament bi tfittxija għall-ħalliel.

Minn informazzjoni li kiseb NETnews.com.mt jirriżulta wkoll li persuna li dak il-ħin inzertat kienet miexja fuq il-bankina, ukoll ġiet wiċċ imb’wiċċ mal-ħalliel waqt li kien qed jaħrab. Min-naħa tiegħu, il-ħalliel ipprova jgħatti wiċċu immedjatament bil-borża biex ma jingħarafx, għalkemm jidher li l-persuna kapaċi tidentifikah, tant li tat id-dettalji tiegħu lill-Pulizija.

Mhux magħruf jekk qabel ħarab, il-ħalliel laħaqx seraq xi ħaġa mill-ħanut.