Ekonomija Lokali

Diskussa l-importanza tal-Air Malta fil-qasam ekonomiku tal-pajjiż

L-Air Malta hi kumpanija li taqdi rwol essenzjali fil-qasam ekonomiku f’pajjiżna għax hi kumpanija li permezz tagħha, pajjiżna jingħaqad mal-bqija tad-dinja.

Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjoalista Simon Busuttil f’laqgħa li kellu mal-Assoċjazzjoni tal-Piloti Maltin (ALPA) fid-Dar Ċentrali u li fiha pparteċipaw ukoll ix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Amministrazzjoni Pubblika Ċensu Galea u l-Kelliem għat-Turiżmu Antoine Borg.

Simon Busuttil qal li hu ta’ pjaċir għall-Oppożizzjoni li tiltaqa’ mal-ALPA ħalli tisma’ anke l-verżjoni tagħha dwar dak li qed jiġri fil-linja nazzjonali tal-ajru.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-ALPA Domenic Azzopardi qal li l-Assoċjazzjoni taqbel ma’ dak li qal Simon Busuttil, jiġifieri li l-Air Malta hi kumpanija strateġika għall-pajjiżna għax bħala gżira hu importanti li jkollna linja nazzjonali tal-ajru li tgħaqqadna mal-bqija tad-dinja.

Azzopardi kompla li bħala ħaddiema jħossuhom mitlufin dwar dak li qed jiġri fil-kumpanija għax filwaqt li jgħidulhom li qed iżommuhom infurmati, jidher ċar li l-fatti xorta ma jkunux jafuhom. U dan qed iwassal għal inċertezza fost il-ħaddiema tal-Air Malta, sostna Azzopardi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni tifhem li hemm realtajiet fid-dinja tal-lum li jaffettwaw lill-Air Malta u li hemm bżonn li jkunu ndirizzati. Hu għalhekk li l-Oppożizzjoni talbet li ssir din il-laqgħa, ħalli jkun jista’ jinbeda dan il-proċess importanti.