Editorjal

EDITORJAL: Muscat japprova għal 57 ġurnata sħaħ

Il-Maltin u l-Għawdxin kollha jagħrfu li pajjiżna għaddej minn kriżi ta’ korruzzjoni. Malta ilha tliet snin f’din il-kriżi bi skandli li jinvolvu direttament lill-Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja. U issa, fl-aħħar xahrejn, l-id il-leminija u l-id ix-xellugija ta’ Joseph Muscat inqabdu fl-akbar skandlu dinji ta’ korruzzjoni li qatt inkixef.

Hu ċar x’messu għamel Joseph Muscat
X’messu għamel Joseph Muscat xahrejn ilu hu ovvju għal kulħadd, anke għal ħafna ħafna Laburisti. Ma tridx tmur l-Iżlanda jew Spanja biex tara kif tneħħew mill-ewwel hemmhekk politiċi li ssemmew f’dan l-iskandlu dinji, anke jekk kellhom spjegazzjoni ċara minn fejn ġabu flushom u li dawn il-flus daħħluhom qabel ma daħlu fil-poter. M’hemmx għalfejn immorru l-Panama stess, El Salvador, u l-Brażil biex naraw kif imqar f’pajjiżi fejn hemm korruzzjoni kbira, il-pulizija rrejdjaw l-uffiċini tal-kumpaniji li jirrappreżentaw lil Mossack Fonseca.

It-Times tat eżempju kbir lil Joseph Muscat
L-eżempju li tat it-Times – erba’ passi minn Kastilja – lil Joseph Muscat hu enormi. Meta saret taf li xi ħadd fit-tmexxija tagħha kien fetaħ kumpaniji sigrieti fil-Karibew mal-id il-leminija ta’ Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, it-Times keċċietu mill-ewwel u ordnat investigazzjoni immedjata u qawwija.

57 ġurnata jigdeb biex jgħatti lil idejh it-tnejn
Imma Joseph Muscat, flok ħa azzjoni mill-ewwel, qatta’ 57 ġurnata issa japprova u jigdeb biex lil idejh il-leminija u x-xellugija jgħattilhom. B’din l-approvazzjoni bil-gideb, Joseph Muscat wera li hu kompliċi magħhom. Għax kieku huma gidbu lilu, kien ikeċċihom imqar għax gidbulu. Imma flok keċċiehom, gideb magħhom. Mela Joseph Muscat kien jaf mill-bidu x’kienu qed jagħmlu: din hi l-konklużjoni loġika ta’ kull min jirraġuna.

Kont li fih kellhom ipoġġu miljun dollaru fis-sena
Joseph Muscat f’dawn ix-xahrejn approva aġir mill-aktar inaċċettabbli ta’ jdejh il-leminija u x-xellugija. Dawn fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama li komplew ħbewhom ġo trusts sigrieti fi New Zealand, u wkoll ippruvaw jiftħu kont tal-bank sigriet fi tmien banek f’pajjiżi differenti, u taw l-approvazzjoni tagħhom biex jiftħu kont sigriet li fih kellhom ipoġġu miljun dollaru kull sena.

Gideb dwar ‘kera’, ‘wirt’, ‘riċiklaġġ’ flok senseriji
Minn fejn kellhom jiġu dawn il-flus hi storja ta’ gidba wara l-oħra. Joseph Muscat jgħid lill-midja li minn xi ‘kera’ u għal xi ‘wirt’. Sħabu imma jgħidu li minn senseriji u ‘konsulenzi’ waqt li qegħdin fil-poter. Imbagħad, xħin irrifjutawlhom il-kont sigriet li riedu jiftħu, biddlu d-diska u bdew jgħidu li minn ‘riċiklaġġ’. Gideb evidenti.

Gideb li kienu se jiddikjaraw kollox
Joseph Muscat qatta’ 57 ġurnata japprova dak li għamlu sħabu f’Kastilja b’gideb ovvju meta messu keċċiehom it-tnejn għax kisru l-liġi billi lanqas biss iddikjaraw dak li għamlu lill-Kummissarju tat-Taxxi kif trid il-liġi, aħseb u ara kemm kienu se jiddikajraw dak li għamlu lill-poplu. Imma Joseph Muscat jigdeb li kienu se jiddikjaraw kollox.

Flok keċċiehom wara 57 minuta, approva bil-gideb għal 57 ġurnata
Il-fatt li Joseph Muscat evidentement kien jaf x’kienu qed jagħmlu sħabu u, flok keċċiehom f’57 minuta, qatta’ 57 ġurnata jigdeb magħhom u approva dan l-aġir mill-aktar inaċċettabbli tagħhom jagħmlu kompliċi magħhom.

Pajjiżna ma jixraqlux Prim Ministru kompliċi ma’ jdejh il-leminija u x-xellugija fl-akbar skandlu ta’ korruzzjoni li qatt inkixef madwar id-dinja.