Internazzjonali

Il-konflitt tas-Sirja: Għexieren ta’ maqtula waqt attakki fuq swieq

Madwar 50 mietu, b’għexieren jisfaw midruba, wara li qawwiet tal-ajru tal-Gvern Sirjan attakkaw is-swieq f’żewġt ibliet ikkontrollati minn ribelli fil-provinċja ta’ Idlib, fis-Sirja.

L-attivisti mas-Syrian Observatory for Human Rights qalu li talanqas 37 tilfu ħajjithom fl-inħawi ta’ Maarat al-Numan u li nqatlu wkoll numru ta’ nies fis-suq ta’ Kafranbel, li jinsab viċin.

Kien mistenni li ċ-ċifra tal-vittmi tiżdied sew, peress li ammont sostanzjali tal-midruba kienu f’kundizzjoni gravi jew kritika.

Il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied parzjali fis-Sirja qed jidher qrib kollass minħabba l-vjolenza li eskalat fil-Majjistral tal-pajjiż. Dan meta l-Kap tal-grupp ewlieni ta’ entitajiet tal-Oppożizzjoni Sirjan qal li l-istess grupp issospenda l-parteċipazzjoni formali fit-taħditiet għall-paċi f’Ġinevra ( taħt it-tmexxija tan-Nazzjonijiet Uniti), bi protesta għall-allegati abbużi mill-militar tal-Gvern tas-Sirja.