Internazzjonali

Il-mejtin fit-terremot tal-Ekwador jaqbżu l-420

Il-Gvern tal-Ekwador għadu qed jikkalkula l-effett qattiel tat-terremot kbir li, fi tmiem il-ġimgħa l-oħra, laqat il-kosta tal-pajjiż qrib il-Paċifiku. Il-mejtin fit-theżżiża, issa, telgħu għal tal-anqas 420, meta kompliet it-tfittxija għal persuni qalb it-tifrik tal-bini.

It-terremot kien jimmarka 7.8 fuq l-Iskala Richter u ħalla wkoll xi 2,500 midruba. L-ispejjeż tar-riparazzjoni mistennija jlaħħqu mal-biljuni tad-dollari u, fl-aħħar sigħat, il-President tal-Ekwador, Rafael Correa, żar ir-reġjun li ntlaqat l-agħar mit-terremot u li jinkludi, fost oħrajn, l-ibliet ta’ Pedernales u Portoviejo.

Il-President Correa tenna li din kienet l-agħar traġedja li laqtet lill-Ekwador għal dawn l-aħħar 70 sena. Intant, l-aħħar rapporti qalu li sitt persuni – fosthom żewġt ibniet ċkejknin – ittellgħu ħajjin mill-fdalijiet ta’ lukanda li kkrollat fil-belt ta’ Manta.

Dan meta komplew il-funerali tal-vittmi tat-terremot fl-inħawi ta’ Pedernales u Portoviejo, bl-awtoritajiet jistennew li jinstabu aktar mejtin waqt it-tfittxija. Hemm inkwiet li hemm ‘aktar mijiet ta’ mejtin’ fl-inħawi ta’ Pedernales, li hi qrib ħafna tal-epiċentru tat-terremot.

L-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani qalet li l-Ekwador għandu jingħata għajnuna mill-fondi tal-emerġenza tal-istess organizzazzjoni biex jistejqer minn din it-traġedja.