Fid-dell tal-iskandlu tal-Panama Papers u tal-kontijiet u kumpaniji sigrieti tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri, il-Prim Ministru għandu jippubblika u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra llum qabel għada d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-ministri li suppost ilhom għandu tliet ġimgħat.
Ix-Shadow Minister Chris Said għamel dan l-appell lill-Prim Ministru llejla fil-Parlament fil-ħin tal-Aġġornament.
B’riflessjoni fuq dak li ġara fid-dibattitu tal-bieraħ fil-Parlament b’rabta mal-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern ta’ Muscat, Chris Said fakkar lill-Prim Ministru li dikjarazzjonijiet tal-assi jridu jiġu ippreżentati kull sena mill-Ministri u Prim Ministru sal-31 ta’ Marzu. Dan joħroġ mill-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri.
Filwaqt li appella li l-Prim Ministru għandu fl-ewwel okkażjoni jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra, qal li sal-lum, 19-il ġurnata, wara għadhom ma tpoġġewx.
19-il ġurnata għand il-PM u għadhom mhux ippubblikati
Spjega li wara dak li ġie żvelat fl-aħħar ġimgħat f’pajjiżna b’rabta ma’ kontijiet u kumpanii sigrieti, kulħadd jaf li hemm ħafna mistoqsijiet marbuta ma’ dawn id-dikjarazzjonijiet tal-Ministri, fosthom fuq id-dikjarazzjoni tal-assi tal-Ministru Konrad Mizzi.
Filwaqt li fakkar li l-Prim Ministru qal li kellu draft għandu diversi xhur ilu, Chris Said staqsa għaliex ma ġewx ippreżentati. Staqsa jekk dan m’għamlux għax qed jibza’ li ser joħorġu iżjed dettalji u malli jiġu ppreżentati ma jkunux jistgħu jibdlu fihom.
Irrifera għad-dibattitu ta’ 13-il siegħa sħaħ fuq il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern imressqa mill-Oppożizzjoni u fisser kif fid-dibattitu spikkaw il-kelliema tal-Gvern li f’sitt sigħat u nofs ma semmew qatt l-iskandlu ta’ Panama li minħabba fih saret il-mozzjoni ta’ sfiduċja.
Ikkritika kif l-ebda kelliem tal-Gvern ma ddefenda lil Konrad Mizzi u Keith Schembri – anzi għamlu minn kollox biex ma jsemmuhomx. Staqsa kif il-Gvern jista’ jiddefendihom meta l-membri tan-naħa tal-Gvern jafu li ħadd mhu qed jemminhom.
Fakkar kif meta faqqa’ dan l-iskandlu, l-ewwel reazzjoni kienet li din il-kumpanija sigrieta fil-Panama saret biex ipoġġu fiha propjetà li għandhom, u mbagħad, meta ħarġu l-Panama Papers irriżulta li huma stess iddikjaraw li din il-kumpanija sigrieta u kont tal-bank kienu hemm għall-konsulenza u senserija.
Taħwid Galore
Saħaq li dan hu taħwid galore u ħadd mhu jemminhom meta issa ħareġ ukoll kif l-ebda bank ma aċċetta li jiftaħ dan il-kont għal dan il-għan għaliex anke l-banek indunaw li s-senserija li jista’ jdaħħal Ministru tista’ tkun ġejja biss minn sors wieħed.
Fisser ukoll kif wara li nkixfu wkoll fuq dan, intqal li l-kontijiet se jsiru għall-kumpaniji ta’ riċiklaġġ u għar-remote gaming.
Ix-Shadow Minister qal ukoll li fid-dibattitu ħareġ ċar li fil-verità l-membri tal-Gvern jaqblu ma’ dak li kienet qed tgħid l-Oppożizzjoni dwar il-kriżi li għaddej minnha l-pajjiż minħabba l-korruzzjoni, u dwar dak li qed jiġri minħabba l-kumpaniji sigrieti fil-Panama.
Li ma jistgħux jifhmu l-Maltin u l-Ghawdxin hu kif fil-Panama, fil-Brażil, f’El Salvador u f’pajjiżi oħrajn il-pulizija ħadu passi mill-ewwel u issekwestraw files u computers biex jinvestigaw, filwaqt li f’Malta l-Pulizija għadha m’għamlet xejn u jidher li ma trid tagħmel xejn.
Ikkritika l-pożizzjoni li ħa l-Gvern fil-Parlament u qal li l-Prim Ministru, għalkemm rebaħ il-vot, baqa’ ma solva xejn u żdidulu l-problemi. Fissirha bħala “rebħa pirrika”.
Semma kif il-poplu Malti u Għawdxi ilu xahrejn jistenna azzjoni, u din baqghet ma waslitx hekk kif kull ġurnata li tgħaddi qed tiġri ħafna aktar ħsara lill-pajjiż u qed titnaqqar il-kredibbiltà ta’ pajjiżna.
Paniku fil-Gvern
Ix-Shadow Minister saħaq li din il-kriżi ġabet paniku fil-Gvern li qed jiddeċiedi bl-addoċċ. Semma kif f’Għawdex illum bdew għaxar ħaddiema mal-Public Works (CMU), bla ebda kwalifiċi ta’ xejn. Staqsa u talab lill-Gvern jispjega kif ħarġet is-sejħa u kif ġew magħżula. Sejjaħ din bħala waħda biss mid-deċiżjonijiet ta’ paniku – deċiżjonijiet li ser iwasslu għal iżjed taħwid, żbalji, u possibbilment aktar korruzzjoni.
Insaħħu l-aċċessibbiltà bejn Malta u Għawdex
Tkellem ukoll dwar il-Konferenza Nazzjonali tas-Sibt li għadda organizzata miċ-Circolo Gozitano u Front Favur il-Mina dwar it-tisħiħ tal-aċċessibbilta bejn Malta u Għawdex. Faħħar din l-inizjattiva għall-attendenza tajba u għas-sehem tal-esperti.
Chris Said sejjaħ l-aċċessibiltà bħala vitali ghal Għawdex u ’l Għawdxin. Spjega li l-PN fil-Gvern dejjem taha importanza massima bi proġetti fil- portijiet, fit-terminals, bil-vapuri ġodda u bl-investiment li sar fit-toroq.
Semma kif fl-2012 il-Kabinet qabel li jibdew l-istudji fuq permanent link, sar il-pre-feasibility study iffananzjat mill-Kummissjoni Ewropea u beda x-xogħol fuq il-full feasibility li kien twaqqaf mal-bidla fil-Gvern. Ikkritika lill-Gvern li ħela tliet snin jippruvaw jaraw jistax isir bridge u issa mar lura għall-proposta oriġinali tal-Gvern tal-PN u bil-konsulent li qabbad dan il-Gvern li hu l-istess konsulent li kellu Gvern Nazzjonalista – il-Professur Norveġiż Envid Grove.
Semma dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Konferenza tas-Sibt li għadda u li kien ċar fuq l-importanza li jkun hemm kunsens fuq proġett daqstant kbir u important, u li dan il-proġett għandu jitqies bħala proġett nazzjonali li jaffettwa l-interess tal-Maltin u l-Għawdxin u mhux tal-Għawdxin biss.
Appella wkoll biex fl-istudji tiġi kunsidrata l-possibbiltà li l-proġett ma jgħaqqadx biss lil Malta u Għawdex iżda jgħaqqad ukoll lil Għawdex mal-Belt, mal-ajruport u l-isptar.
//= $special ?>