Lokali

‘Il-pożizzjoni ta’ Muscat m’għadiex waħda tenibbli’ – PN

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija bħala tweġiba għall-intervista tal-Prim Ministru fuq One TV saħaq li disa’ ġimgħat wara li faqqa’ l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama, l-pożizzjoni ta’ Joseph Muscat bħala Prim Ministru m’għadiex tenibbli.

Flok ħa d-deċiżjoni li kellu jieħu mill-ewwel, Joseph Muscat iddefenda bl-aktar mod qawwi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri, li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama – difiża li tkompli żżid is-suspetti li Muscat hu nvolut hu wkoll f’dawn l-istrutturi finanzjarji.

Joseph Muscat irid ikollu wiċċu tost li moħħu biex jgħajjar lil ħaddieħor u jipretendi li jirriżenja kulħadd ħlief hu. Hija ipokresija grassa minn Muscat li f’nifs wieħed, jattakka lil Mario de Marco u jipretendi li dan jirriżenja għaliex uża s-servizzi ta’ Redmap Ltd, u f’nifs ieħor jiddefendi lis-Segretarju Parlamentari tiegħu Ian Borg li wkoll uża s-servizzi tal-istess kumpanija.

Il-PN qal li aktar ma jitkellem Muscat, aktar qed jitlef il-kredibilita’. L-uniku ħaġa li messu jagħmel hi li jitlaq u jħalli lill-poplu Malti u Għawdxi jgħix ħajja normali, Ewropea u demokratika.