Internazzjonali

Il-President tal-Brażil ‘għandha l-kuxjenza safja’…iżda l-impeachment qed jidher qrib

Il-President tal-Brażil, Dilma Rousseff, qalet li hi ddispjaċuta għall-kampanja ta’ impeachment fil-konfront tagħha u li ‘għandha l-kuxjenza safja’ fiċ-ċirkostanzi.

Rousseff, li hi membru tal-Partit tal-Ħaddiema Brażiljan, kompliet tiċħad li mmanipulat kontijiet tal-Gvern għall-gwadann politiku u insistiet li hi ma għamlet xejn ħażin.

Il-kamra t’isfel tal-Kungress Brażiljan ivvota, jiem ilu, biex il-President tkun suġġetta għall-proċeduri ta’ impeachment u Rousseff, issa, qed tgħid li se tirreżisti għal proċess li tqisu bħala inġust. Fl-istess ħin, il-President tal-Brażil għamlitha ċara li hi m’għandhiex tbaxxi rasha għall-pressjoni li qed issirilha.

Id-deputati fil-Kamra t’Isfel tal-Kungress Brażiljan, nhar il-Ħadd, ivvutaw bi ħġarhom biex il-mozzjoni għall-impeachment ta’ Rousseff jitressaq quddiem is-Senat, jew il-Kamra ta’ Fuq tal-Kungress. Is-Senat, issa, jiddeċiedi jekk jibdiex il-proċess għall-impeachment ta’ Rousseff, bis-Senaturi mistennija jivvutaw fil-bidu ta’ Mejju.

L-aħħar stħarriġ jindika li l-maġġoranza tas-Senaturi se jappoġġjaw il-proċess u jekk dan isir, Dilma Rousseff tkun sospiża mill-Presidenza għaż-żmien kollu tal-proċedura.