Ian Borg qabbad lil Redmap Ltd ta’ Pierre Sladden biex għamel xogħol fid-dar tiegħu
“Jekk qatt kien hemm bżonn prova, llejla għandna prova ċara tal-ipokresija ta’ Joseph Muscat”. Il-Partit Nazzjonalista saħaq dan fi stqarrija hekk kif fl-aħħar 48 siegħa, Muscat ħareġ jattakka qatta bla ħabel lill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco għaliex uża s-servizzi ta’ Redmap Ltd għal xogħol fid-dar tiegħu.
Madanakollu, Joseph Muscat ħeba l-fatt li anke s-Segretarju Parlamentari tiegħu Ian Borg qabbad lill-istess kuntrattur biex jagħmel xogħol fid-dar tiegħu. Dan minbarra l-fatt li d-dar ta’ Ian Borg tinsab f’nofs skandlu hekk kif, skont rapport tal-Ombudsman, il-permess tal-bini tad-dar ta’ Ian Borg ħareġ b’devious methods.
Dan minbarra l-fatt li hu ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, li nqabad li fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama kemm ilu fil-poter, li għandu kumpanija ma’ Pierre Sladden.
Il-PN temm l-istqarrija billi qal li l-livell baxx li fih niżel Joseph Muscat, ikompli nieżel ġurnata wara l-oħra.
Aktar mill-Parlament;
Intant fil-Parlament, irriżulta li s-Segretarju Parlamentari Ian Borg qabbad lil Redmap Ltd ta’ Pierre Sladden, biex għamel xogħol fir-residenza tiegħu fir-Rabat.
Dan jirriżulta minn dokumenti li s-Segretarju Parlamentari Ian Borg poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra wara mistoqsijiet li sarulu mill-media b’rabta max-xogħlijiet li qed jagħmel fid-dar tiegħu fir-Rabat.
Ian Borg kompla jiddefendi fil-Parlament il-permess ta’ żvilupp li ħareġ għar-residenza tiegħu fir-Rabat wara l-investigazzjonijiet li kienu saru mill-Ombudsman li kien iddikjara li l-permess inħareġ wara żball gravi u kien irrakkomanda biex dan jiġi rivedut.
Illejla fil-Parlament, is-Segretarju Parlamentari poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-kontijiet u l-pagamenti kollha li saru fix-xogħlijiet fir-residenza tiegħu li qal bdew tard is-sena li għaddiet u li kienu interrotti minħabba l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-permess għall-iżvilupp.
Hu poġġa l-kontijiet u rċevuti tax-xogħlijiet li saru mill-kumpaniji Redmap Ltd, Terracore, Central Asphalt u Ballut Blocks. L-akbar pagament tħallas lill-kumpanija Redmap Projects Ltd għal xogħlijiet li laħħqu kważi €143,000.
Poġġa wkoll kopja ta’ kuntratt li jistipula meta jridu jitlestew ix-xogħlijiet u l-multi kuljum f’każ li ma jinżammux id-dati għat-tlestija tax-xogħol għaliex qal li jrid jiżżewweġ u jrid imur joqgħod fir-residenza fejn bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet. Hu qal li fis-16 ta’ Mejju 2014 ħa self mill-Bank of Valletta biex jixtri l-propjetà u biex jagħmel ix-xogħlijiet u jlesti d-dar.
Poġġa wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni li investigat il-każ tiegħu, u dikjarazzjoni wkoll li għamlu l-propjetarji li mingħandhom xtara l-proprjetà fejn iddikjaraw li l-applikazzjoni tagħhom għall-iżvilupp tal-proprjetà li kienet rifjutata mill-MEPA, kienet differenti minn dik li ressaq is-Segretarju Parlamentari minħabba l-fatt li l-applikazzjoni tiegħu kienet fuq żewġ proprjetajiet – il-proprjetà li kienet tagħhom u l-proprjetà li tmiss mal-proprjetà tagħhom.
Wara din id-dikjarazzjoni tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg, id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino staqsa kif it-tarmac ġdid li sar fit-triq tal-proprjetà tiegħu wasal sa ħdejn is-sit fejn qed jibni hu, u ma tkompliex tul it-triq kollha; u jekk dan ix-xogħol ta’ tarmak tħallas minnu jew mill-familja tiegħu.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg wieġeb li t-triq hi pubblika u x-xogħol sar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li applikat biex tagħmel id-drenaġġ fiz-zona ta’ Santa Katerina fl-10 Novembru 2010. Il-permess ħareġ fil-31 ta’ Awwissu 2011 u kellha ċans tagħmel ix-xogħlijiet ta’ tarmak sal-aħħar ta’ Awwissu ta’ din is-sena.
Għal din it-tweġiba, George Pullicino staqsa lis-Segretarju Parlamentari jgħid kif b’kumbinazzjoni, it-tarmak jasal sa ħdejn id-dar tiegħu minkejja li t-trinka tad-drenaġġ tmur ferm lil hinn mid-dar tiegħu; u meta hu maħsub li jitkompla l-kumplament tat-triq biex jgħaddi d-drenaġġ li sal-lum għadu ma ngħatax.
Dwar ix-xogħlijiet ta’ tarmak, Ian Borg qal li x-xogħlijiet tat-triq huma maqsuma f’żewġ kuntratti li wieħed għalaq il-kuntratt filwaqt li l-kuntrattur l-ieħor għadu ma ngħatax l-approvazzjoni biex iwettaq ix-xogħlijiet minħabba testijiet li jridu jsiru.
Ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg staqsiet lis-Segretarju Parlamentari Ian Borg jekk poġġiex fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-Ombudsman li tefa’ l-piż fuq il-Prim Ministru biex jieħu azzjoni fuq l-applikazzjoni lill-MEPA li għamel is-Segretarju Parlamentari fl-iżvilupp tal-proprjetà.
Ian Borg wieġeb li r-rapport tal-Ombudsman hu pubbliku u ddefenda l-kritika li saret fil-konfront tiegħu qudidem il-fatt li ma kienx applika b’ismu billi qal li kieku applika b’ismu kien jiġi kritikat għax l-applikazzjoni kienet tiegħu. Qal ukoll li l-permess mill-MEPA hu validu u leġittimu.
Għal din ir-risposta, ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg staqsiet jekk hux qiegħed jinjora l-Ombudsman jew jekk hux qed juri li għandu fiduċja fl-Ombudsman.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg kompla jiddefendi l-permess maħruġ mill-MEPA fuq il-proprjetà tiegħu u qal li l-Ombudsman jagħti biss rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet. Semma li fil-każ marbut mal-proprjetà tiegħu, filwaqt li qal li l-MEPA ma qablitx fuq livell tekniku mal-Ombudsman, ma jistax jitkellem f’isem il-MEPA li ħadet deċiżjoni li ma qablitx mal-Ombudsman.
Semma li hu kien investigat mill-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni li ħarġet ir-rapport tagħha, u li hu poġġa biss dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra.
//= $special ?>