Lokali Parlament

Ir-rinnovazzjoni tas-Sala Sir Temi Zammit fl-Università ppjanat iżda mhux għal din is-sena

Ir-rinnovazzjoni totali tas-Sala Sir Temi Zammit fl-Università ta’ Malta hija fil-pjanijiet futuri qrib tal-Università, iżda mhux f’din is-sena.

Dan kien ikkonfermat mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, meta fil-Parlament wieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici.

F’Novembru li għadda, id-Deputat Nazzjonalista staqsa jekk huwiex possibbli li matul din is-sena li ninsabu fiha, l-2016, is-sala Sir Temi Zammit fl-Università ta’ Malta tiġi rinnovata u jiġi stallat apparat modern tal-arja kundizzjonata.

Meta lbieraħ wieġeb il-mistoqsija fil-Parlament, kważi ħames xhur wara, il-Ministru Bartolo qal li x-xogħol ma jistax isir din is-sena għal raġunijiet primarjament loġistiċi, għall-fatt li din is-sala tintuża kemm għal-lectures, għall-gradwazzjonijiet kif ukoll għall-attivitajiet kulturali, u ħafna drabi din is-sala tiġi bbukkjata anki minn sena qabel.

Irrimarka wkoll li l-fondi sostanzjali li ġew ivvutati għal proġetti kapitali għal din is-sena huma diġà kommessi għal proġetti oħrajn li qed jiġu implimentati fuq il-kampus tal-Imsida, il-Belt u ċentri oħrajn minn fejn topera l-Università.