Lokali

Filmat: Joseph Muscat jibqa’ ma jweġibx dwar il-Panama Papers

Joseph Muscat ma riedx jgħid min hi l-kumpanija li suppost qed tagħmel l-audit fuq Konrad Mizzi.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jibqa’ jaħrab il-mistoqsijiet dwar l-iskandlu internazzjonali Panama Papers.

Muscat evita milli jwieġeb jekk il-Ministru Konrad Mizzi, li kiser il-liġi dwar it-taxxa meta ma ddikjarax il-kumpanija sigrieta fil-Panama u t-Trust fi New Zealand, ħallasx multa u kemm kienet din il-multa.

Mistoqsi jekk jemminx li disa’ tentattivi biex jinfetħu kontijiet f’banek differenti humiex standard enquiry, Joseph Muscat għażel li ma jweġibx

Il-PM semma’ kif se jieħu d-deċiżjonijiet ladarba jitlesta l-audit fuq il-Ministru Mizzi. Mistoqsi min hi din il-kumpanija li qed tagħmel l-audit, Muscat naqas milli jwieġeb. Naqas ukoll milli jagħti raġuni għalfejn l-isem ta’ din il-kumpanija qed jibqa’ mistur

Il-mistoqsijiet lil Muscat saru fi tmiem żjara fil-fabbrika tal-Playmobil f’Ħal Far. Il-kumpanija bħalissa tħaddem iktar minn elf ħaddiem u ħabbret li wara l-espansjoni tal-2003, issa jmiss espansjoni oħra f’fabbrika biswit li se tkopri 16,000 metru kwadru. Din l-estensjoni mistennija żżid il-produzzjoni bi 30% mija u mistenni tħaddem mal-200 persuna oħra bejn is-sentejn u t-tliet snin li ġejjin.