Internazzjonali

Konferma li l-elezzjoni tal-Awstralja se ssir f’Lulju

Il-Prim Ministru Awstraljan, Malcolm Turnbull, ikkonferma li beħsiebu jsejjaħ elezzjoni nazzjonali bikrija għat-2 ta’ Lulju li ġej. Dan wara li l-kamra ta’ fuq tal-Parlament (is-Senat) Awstraljan ċaħdet biċċa leġiżlazzjoni għat-tieni darba – biċ-ċirkostanzi jwittu t-triq għal Turnbull biex isejjaħ elezzjoni fuq il-bażi ta’ double dissolution.

Il-Kostituzzjoni tal-Awstralja tippermetti elezzjoni bikrija meta s-Senat jimblokka darbtejn xi leġiżlazzjoni li tkun għaddiet mill-Kamra t’Isfel tal-Parlament, magħrufa bħala l-Kamra tar-Rappreżentanti. Filwaqt li l-mekkaniżmu inkwistjoni hu maħsub biex jirrisolvi staġnar politiku, dan, fil-prattika, jintuża minn Gvernijiet Awstraljani bħala ‘opportunità’ u ladarba huma jkunu konvinti mill-vantaġġi ta’ elezzjoni bikrija.

Meta tkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Turnbull qal li beħsiebu jitlob lill-Gvernatur Ġenerali tal-Awstralja biex ixolji l-Parlament wara l-baġit tat-3 ta’ Mejju.

Fl-istess ħin, hu qal li l-proċess ta’ double dissolution hu intiż ‘biex il-poplu tal-Awstralja jsemma leħnu’. Turnbull hu konvint li l-koalizzjoni li qed tmexxi l-pajjiż se tirbaħ l-elezzjoni li jmiss biex, ’il quddiem, twettaq numru ta’ riformi u bidliet fil-liġi.