Id-dikjarazzjoni li għamel ilbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil tikkonferma li l-Power Station ta’ Joseph Muscat, li l-poplu Malti u Għawdxi m’għandux bżonnha, kienet miftehma qabel l-elezzjoni ġenerali.
Qal dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, li fiha jingħad li dan hu eżempju ċar tal-mentalità korrotta ta’ Muscat, li qabel l-elezzjoni kien iltaqa’ wkoll ma’ tal-Cafe’ Premier u ma’ Gaffarena. Muscat sejjer żbaljat jekk jaħseb li jista’ jitratta n-nies ta’ imbeċilli.
Il-Partit Nazzjonalista fakkar li l-uniku roħs li sar fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma ma sarx minħabba l-Power Station ta’ Muscat, iżda bl-interconnector ta’ Gvern Nazzjonalista u għax il-prezz internazzjonali taż-żejt raħas għal terz ta’ dak li kien.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil diġà għamilha ċara li malli jkun fil-Gvern, se jkun qed jinnegozja għall-orħos prezzijiet tal-enerġija, mhux kif għamel Muscat, li rabat il-prezz għoli għal 18-il sena sħaħ.
Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li s-settur tal-enerġija hu eżempju ċar tad-differenza bejn iż-żewġ Mexxejja. Filwaqt li Muscat jaħseb biss għalih u l-ftit ta’ madwaru, Simon Busuttil jassigura l-orħos prezzijiet għall-familji Maltin u Għawdxin.
//= $special ?>

