Internazzjonali

L-Afganistan: Kabul mira ta’ vjolenza mit-Taliban

Il-militanti Iżlamiċi tat-Taliban ħadu responsabbiltà għal splużjoni kbira, dalgħodu, fiċ-ċentru tal-kapitali Kabul, fost rapporti li l-attakk sewa l-ħajja ta’ mill-anqas 30, b’aktar minn 330 persuni jisfaw midruba.

L-isplużjoni kienet dovuta għal aggressur suwiċida li tajjar bomba ġo vettura u, wara, grupp ta’ Talibani armati infiltraw iċ-ċentru ta’ Kabul fejn spiċċaw f’battalja mal-qawwiet għas-sigurtà Afgani. L-aħħar rapporti qalu li l-isparar laħaq waqaf fil-kapitali u li z-zona tal-ġlied kienet qed tirritorna għall-kalma.

L-aħħar dmija fil-qalba ta’ Kabul seħħet ftit jiem biss wara li t-Taliban wissa li kellu jibda ‘l-offensiva tar-rebbiegħa’.

Hu mifhum li dawn il-militanti qed jippjanaw sensiela ta’ attakki kbar fuq l-interessi tal-Gvern Afgan, bl-isplużjoni tal-bieraħ isseħħ waqt ir-rush-hour ta’ filgħodu f’Pul-e-Mahmud, li hu neighbourhood ewlieni ta’ Kabul. Iz-zona partikolari tinkludi numru ta’ djar, skejjel u moskej li jinsabu qrib ħafna tal-Ministeru għad-Difiża u ministeri oħra.

Jidher li ċ-ċivili jiffurmaw il-maġġoranza tal-vittmi fl-aggressjoni fil-kapitali. Dan meta l-mejtin u l-feruti jinkludu wkoll numru ta’ suldati u uffiċjali tas-sigurtà.

L-isplużjoni tal-bomba tidher li ‘tat sinjal’ biex il-ġellieda Talibani jassedjaw iz-zona prinċipali ta’ Kabul, bl-awtoritajiet Afgani jikkonfermaw li din hi tattika ‘favorita’ tat-Taliban. Rapporti mhumiex ikkonfermati qalu wkoll li l-militanti rnexxielhom jinfiltraw ‘għal xi ħin’ id-difiżi tad-Direttorat tas-Sigurtà Nazzjonali – f’dan il-każ l-aġenzija tas-servizzi sigrieti li tipproteġi lill-ogħla uffiċjali tal-Gvern Afgan.

Il-Palazz tal-President tal-Afganistan, Ashraf Ghani, ukoll jinsab qrib ħafna ta’ fejn seħħet l-isplużjoni fil-vettura, u ma damx biex ħareġ stqarrija ta’ kundanna bla riservi għall-azzjoni terroristika.