Axel Vella, ta’ 21 sena kien liberat wara li ma nstabx ħati li kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq Joseph James Criminal waqt ġlieda f’Paceville erba’ snin ilu.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, semgħet kif l-akkużat kien fil-kumpanija ta’ koppja li bdiet tiġġieled meta f’ħin minnhom, il-vittma ntervjena f’tentattiv biex iferraq il-partijiet fil-ġlieda. Kien f’dan il-mument li l-akkużat allegatament waddab ġebla lejn il-vittma u sostna li kien qed jaġixxi biex jiddefendi ruħu.
Il-Qorti nnutat li t-tabib li eżamina l-vittma ma ppreżentax ċertifikat mediku taħt ġurament. Innutat ukoll li l-vittma ma tatx ix-xhieda tagħha hekk kif minn dak iż-żmien ‘l hawn, hu emigra lejn l-Awstralja.
Il-Qorti qalet ukoll li l-prosekuzzjoni serrħet il-każ tagħha fuq evidenza ċirkostanzjali. Filwaqt li kien hemm deċiżjonijiet riċenti li bbażaw ruħhom fuq evidenza li kienet “hearsay” minħabba li l-vittma kienet mietet qabel bdew il-proċeduri, il-Qorti nnutat li f’dan il-każ partikolari, ma hemm xejn li jista’ jwassalha għall-“konvinzjoni morali” dwar il-ħtija tal-akkużat.
Il-Prosekuzzjoni naqset milli tħarrek it-tabib li eżamina l-vittma biex jikkonferma l-ġrieħi li sofra, kif ukoll naqset milli tħarrek il-persuni li kienu bdew il-ġlieda. L-uniku provi li tressqu mill-Prosekuzzjoni kienu stqarrija min-naħa tal-vittma u xhieda mhux ċara ta’ ħabib tiegħu. B’konsegwenza ta’ nuqqas ta’ evidenza, Axel Vella ma nstabx ħati.
//= $special ?>

