Il-primarji ta’ New York, li għaddejjin bħalissa, qed jitqiesu bħala deċiżivi għall-kandidati ewlenin tal-Partit Demokratiku u l-Partit Repubblikan. Dan waqt li l-poplu tal-Istati Uniti jinsab fuq ix-xwiek għar-riżultati li ‘jagħmlu l-affarijiet aktar ċari’ fit-tellieqa għall-White House.
Il-kandidat ewlieni tal-Partit Demokratiku, Hillary Clinton, li hi eks Senatur għal New York, mistennija tirbaħ it-taqtigħa partikolari mas-Senatur minn Vermont, Bernie Sanders, li, fl-aħħar ġimgħat, deher li qed jirkupra minn lat ta’ appoġġ.
Fl-istess ħin, il-kandidat ewlieni tar-Repubblikani, Donald Trump ( li twieled fi Queens, fi New York) hu favorit li jegħleb lir-rivali Ted Cruz, is-Senatur minn Texas.
Clinton u Trump it-tnejn sofrew disfatti fl-aħħar primarji u f’każ li huma jgħaddu mill-eżami ta’ New York ikunu għamlu pass kbir ‘il quddiem lejn in-nomini tal-partiti rispettivi biex, f’Novembru, jikkuntestaw l-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti.
Il-kampanji rispettivi fi New York kienu missielta ferm u l-kandidati ewlenin użaw ir-rabtiet lokali rispettivi biex jattiraw l-appoġġ.
Hillary Clinton, li hi eks-Segretarja tal-Istat Amerikan, kienet eletta darbtejn senatur għal New York u telfa għaliha, f’dan is-Stat, għandha titqies bħala daqqa ta’ ħarta kbira. Il-kamp tagħha jemmen li l-eżami se tkun waħda deċiżiva u li ‘rebħa għal Clinton fi New York, titqies, effettivament, bħala garanzija tan-nomina Demokratika’.
Mill-banda l-oħra, Donald Trump għandu affinità kbira ma’ New York, meta jgħix ġo bini li ngħatat ismu, lejn in-naħa t’isfel ta’ Manhattan.
//= $special ?>