Lokali Qorti

Rikors Kostituzzjonali dwar il-validità tax-xhieda tà komplici

Ragel akkużat li akkwista d-droga eroina ressaq rikors quddiem il-Qorti Kostituzzjonali li fiha qed jikkontendi ksur tad-Dritt Fundamentali tiegħu għal smigħ xieraq.
L-allegat każ kien seħħ fis-26 ta’ Lulju tal-2005 meta Christopher Schembri ta’ 41 sena mill-Ħamrun kien akkużat li assoċja ruħu ma’ nies oħrajn bl-iskop li jbiegħ id-droga eroina. Hu tressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati sentejn wara, jiġifieri f’Lulju tal-2007. Jirriżulta li l-uniku xhud f’din il-kawża kien ċertu Raymond Gerada li, skont id-difiża għandu jitqies bħala komplici fl-allegat reat.
Li ġara iżda hu li fl-2006, jiġifieri sena wara li seħħ l-allegat reat u sena qabel ma tressaq quddiem il-Qorti, saret emenda fil-Kodiċi Kriminali dwar il-valur tax-xhieda minn allegati kompliċi.
Qabel l-emenda msemmija – meta l-uniku xhud ikun kompliċi – din ix-xhieda waħidha ma kienitx bizzejjed biex l-akkużat ikun misjub ħati. Bl-emenda li daħlet fis-seħħ fl-2006, din ix-xhieda saret ammissibbli fejn il-ġurati jingħataw direzzjoni mill-Qorti biex “jiżnu x-xiehda li dak ix-xhud jagħti b’kawtela qabel ma jserrħu fuqha u jaslu biex isibu ħati lill-akkużat”.
Permezz tal-Avukati tiegħu, Schembri għamel talba lill-Qorti tal-Maġistrati sabiex ma tapplikax il-liġi kif emendata, skont il-prinċipju li l-liġi ma tapplikax b’mod retroattiv, sakemm ma tkunx ta’ benefiċċju għall-akkużat, liema talba giet miċħuda mill-Qorti f’Lulju tal-2015.
Peress li eżawrixxa kull rimedju li kellu għad-disposizzjoni tiegħu, l-akkużat qed isostni li l-pożizzjoni li ħadet il-Qorti tal-Maġistrati tikser id-Dritt Fondamentali tiegħu għal smigħ xieraq.
L-akkużat qed isostni wkoll li din l-emenda għandha effett ta’ sustanza u mhux ta’ proċedura għaliex tbiddel il-mod ta’ kif jiġu meqjusa l-provi. L-Avukati David Camilleri u Joseph Gatt iffirmaw ir-rikors kostituzzjonali.