Sentenza sospiża għal Alġerin li ammetta li uża dokumenti foloz

Seif Eddin Ladraa, Alġerin ta’ 28 sena, residenti Santa Venera, kien ikkundannat 6 xhur ħabs, sospiżi għal sentejn wara li ammetta li għamel użu ta’ dokument falz u dikjarazzjoni falza lil Identity Malta.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, innotat li l-akkużat, li għandu l-kondotta nadifa, ikkollabora mal-Pulizija u din il-kollaborazzjoni se twassal biex il-Pulizija issolvi xi każi oħrajn.
Il-Prosekuzzjoni iddikjarat li nbdew il-proċeduri sabiex l-akkużat ikun deportat lura lejn l-Alġerija fil-jiem li ġejjin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Darren Buhagiar, filwaqt li Ladraa kien assistit mill-Avukat tal-għajnuna legali Noel Mifsud Cutajar.