Ewropa

Therese Comodini Cachia tappella għal aktar appoġġ lit-tfal b’diżabilità u l-familji tagħhom

“Tfal b’diżabilità u l-familji tagħhom għandhom jingħataw l-appoġġ kollu meħtieġ permezz ta’ miżuri f’waqthom, assistenza soċjali adekwata u s-servizzi fil-komunità xierqa. Ir-rapport dwar id-diżabilità, li ġie approvat fil-Parlament Ewropew huwa pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba għal aktar inklużjoni fl-Ewropa”.

L-Ewroparlamentari Maltija Therese Comodini Cachia qalet dan wara li l-Kumitat dwar il-Kultura u l-Edukazzjoni (CULT) approva unanimament rapport dwar id-diżabilità. Comodini Cachia kienet rapporteur għall-Partit Popolari Ewropew (PPE) għal dan ir-rapport u ressqet ukoll emendi f’isem il-PPE.

Therese Comodini Cachia appellat biex is-sistemi edukattivi ma jibqgħux joħolqu ambjent fejn studenti b’diżabilità, speċjalment dawk b’diffikultajiet biex jitgħallmu, jiġu affetwati ħażin bħalma huma l-banding u streaming. Enfasizzat li l-edukaturi jrid ikollhom aċċess adekwat għar-riżorsi li jgħinhom f’sistemi edukattivi prinċipali u li l-Unjoni Ewropea flimkien mal-pajjiżi membri għandhom jipprovdu aktar opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali tagħhom.

Comodini Cachia qalet li l-persuni b’diżabilità għandu jkollhom aċċess sħiħ għall-informazzjoni f’forom li jgħinhom bħal hija l-lingwa bis-sinjali, l-braille u metodi oħra li joffru din l-aċċessibilità. Qalet ukoll li l-għodda diġitali jistgħu jservu bħala mezz importanti biex jassistu fl-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità, filwaqt li m’għandhomx jitħallew barra milli jkollhom l-aċċess għall-għodda diġitali u l-iżvilupp teknoloġiku.

Therese Comodini Cachia appellat lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tadotta miżuri effettivi biex ma jkun hemm vjolenza fuq persuni b’diżabilità. Saħqet li n-nuqqas ta’ għarfien fis-soċjetà u d-diskriminazzjoni jistgħu jwasslu għall-vjolenza fuq it-tfal u l-adulti b’diżabilità. Fid-dawl ta’ riċerka li turi li miżuri kontra l-vjolenza u l-ibbuljar fil-pajjiżi membri naqsu milli jirrikonoxxu u jindirizzaw ir-riskji ta’ tfal b’diżabilità.

L-Ewroparlamentari Maltija Comodini Cachia appellat għal miżuri effettivi fosthom taħriġ lil carers u dak li dawk il-persuni kollha li jkollhom kuntatt ma’ dawn it-tfal.