Lokali Parlament

Tripla s-sussidju fit-trasport pubbliku u ntrama l-aspett soċjali

Ritratt: Arkivji

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar ikkritika lill-Gvern li qiegħed jiftaħar bis-servizz ta’ trasport pubbliku meta n-nies qed jitkellmu bil-kontra għaliex filwaqt li tripla s-sussidju, l-aspett soċjali ntrama l-baħar.

Meta tkellem fil-Parlament fil-ħin tal-aġġornament illejla, Robert Cutajar irrifera għas-servizz li qed jingħata mill-kumpanija l-ġdida kif qed jiġi approvat mill-Awtorità tat-Trasport Pubbliku fin-naħa ta’ Fuq ta’ Malta. Semma t-tgergir, l-ilmenti u t-tbatija ta’ min qiegħed juża s-servizz tat-trasport pubbliku fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar.

Semma kif hemm nies li qed ibatu ta’ kuljum għaliex l-aspett soċjali li suppost il-Gvern ħa ħsieb biex fassal ir-rotot ġodda fit-trasport pubbliku, intrama l-baħar.
Elenka diversi eżempji li juru kif in-nies li jesperjenzaw it-trasport pubbliku qed jgħidu bil-kontra ta’ dak li qed jgħid il-Ministru Joe Mizzi li kontinwament jiftaħar kemm it-trasport pubbliku mexa ‘l quddiem.
Irrifera għal-lokalità tan-Naxxar fejn semma kif naqset il-frekwenza tar-rotot, u kif meta jgħaddu l-karozzi tal-linja jkunu mimlijin u l-passiġġieri jibqgħu l-art. Is-servizz f’San Pawl tat-Tarġa wkoll intlaqat u qed joħloq diffikultajiet għar-residenti f’zona li dejjem qed tikber.

500 metru mit-tarf tal-Foss tal-venda sad-Daħla tal-Belt
Semma wkoll kif fil-venda l-ġdida fil-Belt, ir-residenti fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta jridu jimxu 500 metru mid-Daħla tal-Belt għall-karozza tal-linja sat-tarf tal-Foss. Appella lill-Gvern biex jara li ma jkunx hemm karrozzi tal-linja għall-ebda lokalità fit-tarf tal-Foss.
Irrimarka wkoll nuqqas ieħor fis-servizz tat-trasport pubbliku – dak fis-Salina u tul Triq il-Kosta kollha fejn m’hemm ebda bus shelter. Ikkritika lill-Gvern li ma sabx flus biex jagħmel bus shelter wieħed, bħalma lanqas ma sab biex isir il-festun fil-Bajja tal-Għadira fix-xhur tas-sajf.
Semma kif ir-residenti f’dawn il-lokalitajiet qed jilmentaw ukoll mis-servizz lejn l-Isptar Mater Dei minħabba li r-rotta tinkludi wkoll il-Belt, b’ħafna residenti qed jilmentaw li qed jitilfu l-appuntamenti fl-isptar.
Appella lill-Gvern jirrealizza li żbalja meta ma tax kas l-aspett soċjali, u jirranġa s-servizz mingħajr aktar dewmien.
Aktar ilmenti huma marbuta mal-venda tal-Qawra u Buġibba fejn qed ikun hemm kjuwijiet kbar meta għadu ma daħalx is-sajf, meta l-karozzi tal-linja qed jaslu wkoll mimlija bin-nies. Ikkritika kif ġie eliminat mill-kumpanija l-ġdida s-servizz miċ-Ċirkewwa lejn Golden Bay u Santa Maria Estate.
Tkellem ukoll dwar nuqqasijiet li qed ibatu minnhom ir-residenti tas-Salina. Ikkritika li railing li beda jitwaħħal, ma sarx kollu

Tliet persuni minn San Pawl il-Baħar bi scooters speċjali ma jistgħux jużaw it-trasport pubbliku
Id-Deputat Nazzjonalista appella lill-Gvern jindirizza l-inġustizzja u t-tbatija fil-konfront tal-persuni b’diżabbiltà fis-servizz li qed jingħata fit-trasport pubbliku. Semma li jaf tliet persuni residenti San Pawl il-Baħar, bi bżonnijiet speċjali u bi scooters speċjali li ma jistgħux jużaw it-trasport pubbliku u issa ilhom sentejn ma jitilgħu fuq karozza tal-linja – kemm ilha li telqet l-Arriva.

Zebra crossing perikoluża qrib id-Dar tal-Anzjani fil-Mellieħa
Robert Cutajar tkellem ukoll dwar periklu li nħoloq qrib id-Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa b’zebra crossing li saret qrib roundabout. Appella lill-Kunsill Lokali u lill-Awtorità tat-Trasport jirrevedu d-deċiżjoni li ttieħdet biex saret din iz-zebra crossing, u wissihom bir-respoinsabbiltà li għandhom f’każ ta’ inċident.