Hemm indikazzjoni li aktarx 500 persuna mietu fin-Nofsinhar tal-Mediterran fi vjaġġ ieħor ta’ immigranti. Jekk konfermat, din hi l-agħar traġedja waqt vjaġġ ta’ immigranti fil-Mediterran għal diversi xhur.
Skont l-UNHCR, l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti inkarigata mir-refuġjati, it-traġedja jidher li seħħet barra l-kosta tal-Libja hekk kif kien qed isir trasferiment fuq il-baħar tal-immigranti għal fuq lanċa akbar.
Sorsi qalu li l-lanċa li fuqha kien qed isir it-trasferiment kienet diġà mgħobbija immigranti u bdiet tegħreq hekk kif bdew jitgħabbew l-immigranti l-oħra.
Kien hemm 41 persuna li salvaw, fosthom xi wħud li rnexxielhom jgħumu lejn il-lanċa żgħira li kienu għadhom kemm tneħħew minn fuqha wara li l-kbira bdiet tegħreq. Dawn jinkludu nies mis-Somalja, is-Sudan, l-Etjopja u l-Eġittu.
Dawn kienu abbandunati bejn semgħa u ilma u aktar tard kienu salvati wara li ntlemħu fis-16 ta’ April minn bastiment tal-merkanzija.
Din il-ġimgħa kien hemm rapport ieħor ta’ traġedja oħra, din id-darba fi vjaġġ li telaq mill-Eġittu, u hu stmat li tilfu ħajjithom madwar 400 persuna u mhux ċar jekk dawk li salvaw qed jirreferu għall-istess każ jew le.
Il-każ ikompli jqanqal it-tħassib li hekk kif sar sforz biex tingħalaq ir-rotta li kien hemm bejn it-Turkija u l-Greċja għall-immigrazzjoni irregolari u qed jidħol is-sajf, il-vjaġġi mill-kosta Libjana se jerġgħu jieħdu spinta.
Aktarx 500 persuna tilfu ħajjithom fil-Mediterran
