L-Ewroparlamentari Roberta Metsola appellat għal-liġijiet ġodda dwar l-armi tan-nar biex ikun assigurat kontroll u biex il-kollezzjonisti, il-mużewijiet u d-dilettanti ma jkunux effettwati ħażin.
Fi stqarrija Roberta Metsola qalet li l-kollezzjonisti tal-armi m’għandhomx ikunu fil-mira ta’ miżuri mhux tajbin biżżejjed intenzjonati biss biex jagħtu l-impressjoni li qed issir xi ħaġa.
L-attenzjoni għandha tibqa’ fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġlieda kontra t-traffikar illegali tal-armi. Filwaqt li qalet li għandhom isiru l-kontrolli dwar il-moviment tal-armi, Metsola sostniet li l-kollezzjonisti m’għandhomx ikunu assoċjati mat-terroriżmu.
Meta kienet qed tindirizza l-Parlament Ewropew, Roberta Metsola qalet li għandha titneħħa l-burokrazija eċċessiva u ma jinħolqux aspettazzjonijiet mhux realistiċi.
Meta tkellmet dwar ir-rapport, Metsola qalet li dan jista’ jkun imtjjeb aktar u fakket li dievrsi pajjiżi membri tal-UE diġà għandhom liġijiet dwar il-kontroll tal-armi. Hi qalet li Malta hi eżempju tajjeb u għalhekk il-leġiżlazzjoni Maltija tista’ tgħin. Metsola sostniet li l-kollezzjonisti jinvestu somom ta’ flus biex jirrestawraw armi oriġinali u anki dan għandu jkun rispettat meta l-armi ma jkunx għadhom jiffunzjonaw.
L-Ewroparlamentari Roberta Metsola hi membru tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar is-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Kumitat dwar il-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern fejn il-leġiżlazzjoni qed tkun diskussa.
//= $special ?>