Id-dibattitu mitlub mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, u li sar fil-Parlament matul nhar it-Tnejn kollu dwar il-kriżi ta’ korruzzjoni li daħal fiha l-pajjiż kompla kkonferma kemm it-tlieta min-nies li qabdu lill-Partit Laburista u lill-Gvern ta’ Malta f’idejhom inqatgħu kompletament mir-realtà u lanqas biss jirrikonoxxu x’korruzzjoni daħħlu lill-pajjiż fiha. Id-dibattitu wera wkoll kemm hi ħasra li madwarhom hemm nies li jafu kemm qed jagħmlu ħażin imma lesti japprovaw dak li qed jagħmlu.
Diskors formidabbli ta’ Simon Busuttil
Id-diskors ta’ Simon Busuttil kien formidabbli, imma kien meħtieġ proprju għax għandna Prim Ministru li ma ħa l-ebda azzjoni għal xahrejn sħaħ fuq l-aktar skandlu riċenti u l-akbar skandlu s’issa li daħal fih il-Gvern evidentement korrott li għandna. Simon Busuttil wera x’kien jagħmel min hu onest, korrett u nadif quddiem sitwazzjoni bħalma l-pajjiż qiegħed fiha llum; mhux x’kien jagħmel wara xahrejn biex ikun taparsi għamel xi ħaġa, imma x’kien jagħmel wara sagħtejn.
L-ebda ndiema jew dispjaċir mill-Prim Ministru
Dak li jixxokkja hu proprju kif Joseph Muscat nhar it-Tnejn kompla wera għaliex il-mentalità korrotta li daħħal fil-gvern tax-xejn mhu xejn wasslet għal din il-kriżi ta’ korruzzjoni. Joseph Muscat lanqas biss irrikonoxxa xi kriżi ta’ korruzzjoni hawn fil-pajjiż, lanqas biss wera l-iċken indiema, imma qal biss li ma jistax ma jagħmel xejn. Diġà kien qal ukoll hu stess li jrid jirreaġixxi għall-opinjoni pubblika.
Mentalità korrotta u xokkanti ta’ Joseph Muscat
U proprju hawn tara l-mentalità korrotta li tixxokkja. Muscat ilu xahrejn issa jgħid li l-id il-leminija tiegħu u l-id ix-xellugija tiegħu m’għamlu xejn ħażin. Ilu xahrejn ukoll jigdeb magħhom biex jgħattilhom bħal meta gideb li kienu se jiddikjaraw kollox meta lanqas biss iddikjaraw xejn lill-Kummissarju tat-Taxxi skont il-liġi.
Opinjoni pubblika xxukkjata b’Muscat u bi sħabu
Joseph Muscat, jiġifieri, taparsi se jagħmel xi ħaġa mhux għax jaf li dak li għamlu l-idejn ix-xellugija u l-leminija tiegħu hu ħażin – kieku kien jaġixxi mill-ewwel – imma għax kien hawn reazzjoni fl-opinjoni pubblika. Imma l-opinjoni pubblika għala rreaġixxiet? Għax taf li l-idejn it-tnejn tal-Prim Ministru għamlu ħażin, u ħażin ħafna.
Mentalità li hi l-għerq tal-korruzzjoni
Imma għal Muscat, kien kollox sew u kieku mhux għax-xokk fl-opinjoni pubblika, kieku m’hemm għalfejn jagħmel xejn. Din hi l-mentalità korrotta li hi proprju l-għerq tal-korruzzjoni kbira li rajna f’dawn it-tliet snin: li Muscat ma jiddejjaq xejn mill-korruzzjoni evidenti li qed jegħreq fiha l-Gvern; iddejqu biss l-opinjoni pubblika.
Konrad Mizzi jigdeb patoloġikament
Ma’ Joseph Muscat, Konrad Mizzi wkoll wera li hu giddieb patoloġiku. Bħal Muscat, gideb li m’għamel xejn ħażin, gideb li ddikjara kollox mill-ewwel, gideb li ma kellux kont tal-bank u gideb li lanqas flus ma kellu. Il-fatti juru li jdejn Muscat it-tnejn ma ddikjaraw xejn lill-Kummissarju tat-Taxxi; qalu lil Mossack Fonseca ma juru isimhom imkien; qalulhom jiftħulhom kont sigriet tal-bank u dawn ippruvaw f’disa’ banek; u qalulhom jiftħulhom kont fejn kellhom ipoġġu miljun dollaru kull sena.
Dan hu x’għamlu jdejn Joseph Muscat it-tnejn. Imma għal Muscat, xejn mhu xejn: il-mentalità korrotta ta’ Gvern korrott.
//= $special ?>